It-Tielet Ħadd tal-Avvent
Ċelebrazzjoni fil-Familja tal-Mixegħla tax-Xemgħa tal-Avvent
Fid-dar, f’post xieraq, titħejja l-kuruna tal-Avvent: erba’ xemgħat f’forma ta’ ċirku, imżejnin b’xi weraq aħdar. Għalkemm mhux bilfors, tajjeb li dawn ix-xemgħat ikunu tlieta ta’ kulur vjola, u waħda ta’ kulur roża.
Kull nhar ta’ Sibt filgħaxija jew matul il-jum tal-Ħadd, meta l-familja tkun miġbura kollha d-dar, isir dan ir-rit li fih, kull darba tinxtgħel xemgħa, hekk li minn darba għal oħra, id-dawl jiżdied: dan ifisser li Ġesù, li hu d-Dawl, qiegħed dejjem joqrob. Il-ġenituri jistgħu jagħtu din it-tifsira sempliċi lil uliedhom, biex ikunu jistgħu jgħixu aħjar dan il-mument ta’ talb.
Matul ir-rit, wieħed mill-ġenituri jmexxi t-talb. Ġenitur ieħor, jew wieħed mill-ulied, jaqraw is-silta mill-Bibbja.
Tajjeb li kull membru tal-familja jkollu l-fuljett tat-talb.
Bidu
Meta tinġabar il-familja, ilkoll jagħmlu s-sinjal tas-salib:
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. R/. Ammen.
Imbagħad wieħed mill-ġenituri jgħid:
Infaħħru lil Alla li ġej biex isalva lill-ġnus kollha
u biex jagħti lid-dinja kollha l-ferħ tassew.
R/. Imbierek Alla għal dejjem.
Il-ġenitur jintroduċi ċ-ċelebrazzjoni billi jgħid:
Inkomplu l-mixja tal-Avvent fil-familja tagħna.
Imiss nixgħelu t-tielet xemgħa: ix-xemgħa tar-rgħajja u tal-ferħ.
Waqt li nħarsu lejn ir-rgħajja,
nitħejjew biex nirċievu l-aħbar ta’ ferħ kbir,
l-aħbar tat-twelid tas-Salvatur tagħna.
Qari mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani (13,11-12)
Waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas,
għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu.
Il-lejl għoddu għadda, u qorob il-jum.
Inwarrbu mela l-għemil tad-dlam
u nilbsu l-armi tad-dawl.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Responsorju
Il-Mulej hu fil-qrib: ma jiddawwarx.
R/. Hu jħabbar is-sliem lill-ġnus kollha.
Mixgħela tat-tielet xemgħa
Xi ħadd mit-tfal jixgħel it-tieni xemgħa, waqt li l-membri l-oħra tal-familja jgħidu flimkien:
Din ix-xemgħa se tixgħel fid-dar,
għax Ġesù ġej dalwaqt fuq din l-art!
Se nisimgħu bħar-rgħajja l-aħbar,
li Ġesù jinsab fqajjar fil-għar.
Il-ġenitur, wara li tinxtgħel ix-xemgħa, jgħid:
Nitolbu.
Alla, Missier tagħna,
qajjimna min-ngħas u għenna nkunu lesti,
biex nilqgħu l-aħbar ta’ ferħ
tat-twelid tas-Salvatur,
u ngħixu fil-hena tiegħek.
Bi Kristu Sidna.
R/. Ammen.
Il-ġenitur jagħlaq ir-rit billi jgħid:
Il-Mulej Alla jberikna u jħarisna fl-imħabba tiegħu.
R/. Ammen.
O Alla, inti taf b’liema fedeltà l-poplu tiegħek qiegħed jistenna l-festa tal-Milied; agħtina, nitolbuk, li jseħħilna naslu għall-hena bla qjies li nġarrbu fit-twelid ta’ Sidna, u li b’qalb ferħana niċċelebrawh dejjem b’solennità qaddisa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ammen.