Kuljum irrid inbierkek

 

Il-għasar, illum il-Ħadd 21 ta’ Novembru.

Salm 144 (145)

(I)

Tifħir lill-kobor ta’ AllaĠust int, Mulej, int hu li kien. (Apok 16:5) 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan, *
u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kuljum irrid inbierkek, *
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem. 

Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta, *
bla tarf il-kobor tiegħu.
Nisel lil nisel isebbaħ għemilek, *
u s-setgħa tiegħek ixandru. 

Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru, *
u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu.
Il-qawwa tal-għemejjel tiegħek tal-biża’ jxandru; *
u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.
It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru, *
jgħajtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek. 

Twajjeb u ħanin il-Mulej, *
idum biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej, *
tjubitu fuq kulma għamel. 

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej; *
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, *
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu,
biex jgħarrfu lill-bnedmin il-qawwa tiegħek, *
u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.
Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, *
min-nisel għal nisel il-ħakma tiegħek. 

Glorja.

Ant. 2: Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, minn nisel għall-nisel il-ħakma tiegħek.

Ant. 3: Fuq il-libsa u fuq ġenbu għandu miktub: Sultan tas-slaten u Sid is-sidien. Lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem!

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/