Il-fidwa tagħkom hi fil-qrib

L-Ewwel Ħadd tal-Avvent Sena Ċ

O Alla li tista’ kollox, qanqal fil-fidili tiegħek ir-rieda li, bis-saħħa ta’ għemejjel tajba, joħorġu jiltaqgħu ma’ Kristu Ibnek li ġej, biex jissieħbu miegħu fil-leminija tiegħu u jistħoqqilhom jiksbu s-saltna tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. 

Intalla’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa.
Ġer 33:14-16

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Ara, għad jiġu jiem
– oraklu tal-Mulej –
meta nġib fuq dar Iżrael u dar Ġuda
l-ġid li wegħedthom.
F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien
intalla’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa,
bniedem li jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa fil-pajjiż.
F’dawk il-jiem Ġuda jinħeles
u Ġerusalemm tgħammar b’moħħha mistrieħ,
u għalhekk isejħulha:
Il-Mulej is-sewwa tagħna.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 24(25):4bċ-5ab,8-9,10,14

R/. (1b):  Lejk jien nerfa’ ruħi, Mulej.

Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.

Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.

Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà
għal min iħares il-patt u l-liġijiet tiegħu.
Midħla l-Mulej ta’ dawk li jibżgħu minnu,
lilhom jgħarraf il-patt tiegħu. R/.

Il-Mulej iqawwilkom qalbkom għal meta jiġi Sidna Ġesù.
1 Tess 3:12–4:2

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonikin

Ħuti, jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma aħna nħobbu lilkom, ħalli jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla, Missierna, għal meta jiġi Sidna Ġesù mdawwar bil-qaddisin tiegħu.

Fl-aħħar, ħuti, intom tgħallimtu mingħandna kif għandkom timxu biex togħġbu lil Alla, kif tabilħaqq qegħdin iġġibu ruħkom; aħna f’Sidna Ġesù nitolbukom u nħeġġukom biex tagħmlu xi ħaġa iżjed. Tafu x’tagħlim tajniekom permezz ta’ Sidna Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 84(85):8

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
R/. Hallelujah.

Il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.
Lq 21:25-28,34-36

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

L-Evanġelju tal-lum, l-ewwel wieħed ta’ sena liturġika ġdida u taż-żmien qaddis tal-Avvent, ifakkarna mill-bidu nett li dan mhux biss żmien li jwassalna għaċ-ċelebrazzjoni tal-ewwel miġja tal-Iben ta’ Alla fostna. Ifakkarna li bħala komunità nisranija kontinwament aħna msejħa biex inħejju ruħna għat-tieni miġja tiegħu, miġja glorjuża, li fiha għad ‘jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mil-mejtin, u s saltna tiegħu ma jkollix tmiem’.

Ta’ bnedmin li aħna, f’kull żmien tal-ħajja tagħna fuq din l-art naraw madwarna ħwejjeġ li jimlewlna l-qlub tagħna b’ħafna inkwiet u biżgħat: mard, problemi fuq ix-xogħol, problemi fil-familji, u tant diffikultajiet oħra. Żgur li fil-ħajja tagħna mhux l-ewwel darba li smajna lil xi ħadd jgħid li mument ta’ kriżi jista’ jħalli żewġ effetti opposti: li jkissirna, jew li jibnina. Fid-dawl ta’ dan, l-Evanġelju tal-lum hu sejħa biex bħala Nsara ma nsirux skjavi tal-biżgħat, l-inkwiet u l-ansjetà li kontinwament jippruvaw jaħkmu lil ħajjitna. Ifakkarna li aħna għandna ngħixu dejjem fl-istennija tal-Mulej, li għad jiġi fil-glorja fl-aħħar taż-żmien, iżda li wkoll kontinwament jixtieq jiġi f’kull rokna tal-ħajja tagħna biex jixħet id-dawl tiegħu u jqaddes anke l-aktar imkejjen mudlama.

Madanakollu, bħan-nar li jrid jibqa’ jiġi mkebbes biex il-fjamma ma tintefiex, hemm bżonn li din it-tama nżommuha dejjem ħajja, anke fl-aktar żminijiet iebsa li joffrulna provi diffiċli. Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù stess jagħtina l-għodda biex nagħmlu dan: it-talb. It-talb hu meħtieġ biex ma nidħlux fit-tiġrib iżda anke biex, meta nidħlu fih, inkunu nifilħu ngħaddu “minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.” Dan iż-żmien qaddis tal-Avvent hu għalhekk żmien ta’ tħejjija permezz tat-talb—talb mibni fuq il-Kelma tant sabiħa u abbundanti li toffrilna l-liturġija f’kull ġurnata tiegħu. Biex takkumpanjana f’dan il-vjaġġ għandna wkoll figura li hi ċentrali fih: Marija, li, anke fi żminijiet diffiċli u ta’ prova, baqgħet dejjem qaddejja tal-Mulej; Marija li tgħożż f’qalbha il-ħwejjeġ kollha li kienu jiġru madwarha, soda fit-tfittxija u fit-twettiq tar-rieda t’Alla fil-ħajja tagħha

Talba
Mulej Ġesù, ta’ bnedmin li aħna, aħna u nħarsu
madwarna u ġo fina, faċli ħafna li nimtlew b’ħafna
biżgħat u inkwiet. Mhux dejjem inħossu li għandna
s-saħħa nikkumbattu l-ħafna taħbit li l-ħajja
kontinwament iġġibilna quddiemna.
Fid-dawl tal-Kelma tiegħek illum, għallimna nitolbu
biex nerfgħu ħarsitna u nqawwu qlubna ħalli
nibqgħu qawwija fit-tama li inti qrib tagħna
u li dejjem iżżomm il-wegħdiet tiegħek. Maranathà!
Ejja, Mulej Ġesù!