(II) Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, * u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; * il-ħajja tal-fqajrin isalva. Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija; * demmhom għażiż quddiem għajnejh.
Ħa jgħix is-sultan għal dejjem, * jingħata lilu deheb ta’ Xeba! Ħa jitolbu għalih dejjem, * u jberkuh il-jum kollu! Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, * jogħla sal-qċaċet tal-għoljiet. Ikun il-frott tiegħu bħal-Libanu, * iħaddru l-uċuħ bħall-ħaxix tar-raba’.
Ismu jibqa’ jissemma għal dejjem; * idum ismu sakemm iddum ix-xemx! Bih jitbierku l-ġnus kollha tal-art; * il-popli kollha jsejħulu hieni.
Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, * li waħdu jagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb. Imbierek għal dejjem l-isem imsebbaħ tiegħu; * timtela l-art kollha bis-sebħ tiegħu!
Amen! Amen! Glorja.
Ant. 2: Il-Mulej isalva l-fqajrin u jeħlishom mill-moħqrija.
Ant. 3: Ġiet is-salvazzjoni u s-saltna ta’ Alla tagħna.
Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/