Oħroġ u Itlob

Lura ma’ San Franġisk bil-Ferħ!

Meta tkellem dwar il-ferħ veru u perfett, San Franġisk ordna lil sieħbu Fra Leone jikteb hekk:

Jiġi wieħed ħabbâr u jgħid li l-imgħallmin kollha ta’ Pariġi daħlu fl-Ordni. Ikteb, li dan mhux il-ferħ perfett. Ukoll li l-prelati kollha tan-naħa l-oħra tal-muntanji, l-arċisqfijiet u l-isqfijiet; mhux biss, imma saħansitra ir-re ta’ Franza u r-re tal-Ingilterra, daħlu fl-Ordni. Ikteb, li dan mhux il-veru ferħ. Ukoll, li l-aħwa tiegħi marru qalb l-infidili u ikkonvertewhom kollha għall-fidi; u wkoll li jiena tant għandi grazzja mingħand Alla li nfejjaq il-morda u nagħmel ħafna mirakli: ngħidlek li f’dan kollu ma hemmx il-ferħ perfett. Mela, x’inhu l-ferħ perfett? Jiena niġi lura minn Perugia u jkun billejl u nasal hawnhekk. Ikun ix-xitwa, u nkun mimli tajn u, hekk interter bil-bard, li l-ilma jibda jiffriża u jiddendel ma’ truf it-tonka u jibda jħabbatli mal-għekiesi, hekk li jibda ħiereġ id-demm minnhom. U hekk miksi bit-tajn u ntertet bil-ksieħ u bil-bard nasal fil-bieb, u, wara li nkun ili żmien inħabbat u ngħajjat, jiġi wieħed mill-aħwa u jistaqsi: Min int? U jiena nwieġbu: Jiena fra Franġisk. U hu jgħidli: Itlaq ’l hemm; issa mhux ħin li toqgħod tiġġerra barra; hawn ġew ma tidħolx. U jiena nkompli ninsisti u hu jweġibni: Itlaq ’l hemm; inti sempliċi u bla skola; bl-ebda mod ma tidħol magħna hawn ġew; għaliex aħna issa tant aħna fin-numru u kapaċi, li ma għandniex x’nambuk iżjed. U jiena nibqa’ fil-bieb u ngħidlu: Għall-imħabba ta’ Alla, ilqgħuni magħkom almenu dan il-lejl. U dak iweġibni: Ma ndaħħlikx. Mur fil-post tal-Crociferi u itlob li jilqgħuk hemmhekk. Ngħidlek li jekk jiena nilqa’ dan kollu bis-sabar u ma jitlagħlix, ara, dan ikun il-ferħ veru u l-virtù vera u s-salvazzjoni ta’ ruħi.

San fFranġisk ta’ Assisi, De Vera et Perfecta Laetitia, 200.4-15

Bla dubju, dan il-kliem żgur insibuh iebes, jekk mhux ukoll bla sens. Imma għall-fqajjar ta’ Assisi, il-loġika tad-dinja qajla kienet importanti jew ta’ valur. Għalih, il-ferħ veru kien jinsab fit-twaħħid sħiħ tiegħu nnifsu mat-tarbija fqajra ta’ Betlehem u mal-ħaddiem fqajjar ta’ Nazaret. U fil-fond ta’ qalbna nafuha din il-verità, ukoll jekk hi pillola wisq qarsa biex nibilgħuha: jiġifieri li Alla li jista’ kollox, meta ċċekken u sar wieħed bħalna, dan kien il-mod kif għażel li jgħix u jtemm ħajtu fostna. U, iktar minn hekk, din kienet l-unika garanzija li ta lid-dixxipli u jagħti lilna: il-persekuzzjoni, l-irfigħ tas-salib kuljum, imkien fejn imiddu rasna … flimkien ma’ garanzija oħra fundamentali u li tagħmel dan kollu possibbli: “U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28, 20).