Ruħi mħawda għall-aħħar

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum it-Tnejn 7 ta’ Frar 2022.

Salm 6

L-imġarrab jitlob il-ħniena ta’ Alla
Issa qiegħed inħossni mħawwad … Missier, salvani minn din is-siegħa. (Ġw 12:27) 

Mulej, la ċċanfarnix fil-korla tiegħek; *
la twiddibnix fis-saħna tiegħek. 

Ħenn għalija, Mulej, għaliex inħossni mifni; *
fejjaqni, Mulej, għaliex għadmi mfarrak;
ruħi mħawda għall-aħħar. *
Mulej, int kemm se ddum ma tismagħni? 

Dur lejja, Mulej, u eħlisni; *
salvani f’ġieħ it-tjieba tiegħek.
Għax ħadd mill-mejtin ma jiftakar fik; *
min ifaħħrek f’art l-imwiet? 

Infnejt bit-tnehid tiegħi; †
kull lejl nibki fuq friexi, *
bid-dmugħ inxarrab soddti.
Għajnejja bil-biki tgħarrqu, *
u nfnew minħabba l-għedewwa tiegħi. 

Tbiegħdu minni, intom li tagħmlu l-ħażen, *
għax sema’ l-Mulej il-biki tiegħi.
Sema’ l-Mulej it-tħannin tiegħi; *
jilqa’ l-Mulej it-talba tiegħi.
Jistħu u jinfixlu għall-aħħar l-għedewwa tiegħi kollha, *
u minnufih jerġgħu lura mħawda. 

Glorja.

Ant. 1: Salvani, Mulej, f’ġieħ it-tjieba tiegħek.

Ant. 2: Il-Mulej sar kenn għall-imsejken fid-dwejjaq tiegħu.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/