Għall-grazzja ta’ Alla, ġewwa pajjiżna daqt ser ikollna l-opportunità li nilqgħu fostna l-Papa Franġisku, is-suċċessur ta’ San Pietru. F’din is-sezzjoni fuq is-sit Behold ta’ spiss nirriflettu fuq temi mil-Liturġija, u għalhekk għal dawn il-ġimgħatejn li ġejjin ser inkunu qegħdin nirriflettu fuq it-tagħlim ta’ Papa Franġisku fuq il-Liturġija.

Fl-eżortazzjoni appostolika Il-Ferħ tal-Evanġelju, il-Papa Franġisku jirrifletti fuq l-importanza tal-ferħ biex inxandru l-Evanġelju lid-dinja tal-lum. Intant Papa Franġisku jikteb hekk:

L-evanġelizzazzjoni ferrieħa turi ġmielha fil-Liturġija fil-kuntest tal-bżonn li kuljum tara li xxerred u tkabbar il-ġid.  Il-Knisja tevanġelizza u tirċievi l-evanġelizzazzjoni mill-ġmiel tal-Liturġija, għax anki din hi ċelebrazzjoni tal-ħidma tal-evanġelizzazzjoni u għajn ta’ enerġija mġedda biex hi tingħata. (Evangelii Gaudium, par. 24)

Forsi spiss waħda mill-kritiċi li spiss il-Knisja tirċievi hija: “Imma kif tista’ tipprietka l-faqar meta l-knisja u ċ-ċelebrazzjonijiet tagħha huma tant sinjuri?” Biss il-Papa Franġisku jrid jiftħilna għajnejna li filwaqt illi l-Liturġija timpenjana għall-qadi tal-fqir u l-batut, madanakollu l-Liturġija stess hija dik l-għajn fejn l-evanġelizzazzjoni u l-ħidma pastorali tal-Knisja hija mġedda. Fil-Konċilju Vatikan II fil-kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa, Sacorsanctum Concilium, insibu illi “il-Liturġija hija l-quċċata u l-għajn tal-ħajja tal-Knisja.”

Meta wieħed iħares lejn il-Liturġija bħala s-sors tal-ħajja nisranija, nintebħu illi għalina l-Insara li niċċelebraw il-misteru ta’ Kristu fil-ġmiel tal-Liturġija ma jmurx kontra l-impenn li ningħataw għal ħutna l-batut, iżda għall-kuntrarju jsir l-għajn li twassalna biex ningħataw fil-bżonn. Din il-verità tħarisna wkoll milli nirriduċu l-knejjes tagħna għall-mużewijiet ta’ affarijiet sbieħ li jintużaw waqt il-Liturġija għaliex proprju hija l-liturġija stess twassalna biex noħorġu u nevanġelizzaw u ningħataw għal ħuna l-fqir u l-batut.

Fl-istess waqt, meta nagħrfu li l-għajn tal-ħidma tal-Knisja tinsab fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteru ta’ Kristu fil-Liturġija, anke l-istess impenn soċjali tagħna ma’ jibqax biss fuq livell uman, bħal kull organizzazzjoni u għaqda tal-karità oħra. Iżda ispirati mill-fidi u mill-imħabba li Alla għandu għalina, b’mod speċjali fiċ-ċelebrazzjoni tal-għotja sħiħa tiegħu fil-Liturġija, aħna nagħrfu nissieħbu ma’ San Ġwann li jikteb: “Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel” (1 Ġwanni 4, 19).

Proprju għalhekk l-ġmiel tal-Liturġija huwa kemm turija tal-misteru ta’ Kristu li niċċelebraw, u allura tal-għożża tagħna bħala bnedmin għal dak li hu l-iktar għażiż għalina, kif ukoll togħma minn qabel tal-ġmiel u l-glorja li aħna msejħin nissieħbu fihom fil-ħajja ta’ dejjem. Huwa f’dan id-dawl li Papa Franġisku jurina kif fil-ġmiel tal-Liturġija, il-Knisja “tevanġelizza u tirċievi l-evanġelizzazzjoni.”

Riflessjoni:

San Ġwann Kriżostmu jikteb: “Sebbaħ lil Knisja, imma la tinjurax lil ħuk fil-faqar tiegħu.” Kemm nagħraf ningħata għal ħija fil-bżonn, jien li ta’ spiss nieħu sehem fil-ġmiel tal-Liturġija: fit-talba tal-għotja tal-Iben ta’ Alla għalija?