
Nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem
Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid (Ċ)
Kolletta
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, mexxina lejn ix-xirka tal-henjin fis-sema, biex aħna, il-merħla ċkejkna tiegħek, naslu fejn daħal qabilna r-Ragħaj qawwi tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni.
Dawn huma nagħaġ li jappartjenu lil Ragħaj wieħed u leħnu jisimgħu. Jekk jien nagħġa jew ħarufa ta’ dan ir-Ragħaj li jismu Ġesù, allura jien ma nistax inkun ta’ ħaddieħor. Skont Ġesù, jeżisti għadu li jipprova jisraq, joqtol, u jeqred. Huwa brigant u ħalliel. U mhuwiex waħdu, imma huma ħafna (v. 8-10).
In-nagħaġ huma ta’ Ġesù għax ħallas għalihom b’demmu. Immarkati bis-siġill tiegħu li hu l-Ispirtu s-Santu. U kif inkun naf li jien tiegħu? Billi nisma’ LEĦNU!
Ħafna jsaqsu: Kif tisma’ lil Alla jkellmek?
Alla l-Imbierek jitkellem bil-ħolqien tiegħu, jitkellem bil-ħajja ta’ wliedu, jitkellem bil-Bibbja, bit-tagħlim tal-Appostli u tal-Knisja. Fuq kollox, kellimna u jkellimna permezz ta’ Ibnu Ġesù. Faċli, le? Naqra u nirrifletti fuq il-ġrajjiet u l-kliem ta’ Ġesù kif kienet tagħmel Ommu l-Għażiża, Marija. Noqgħod kwiet, sieket, attent. Inħalli l-Ispirtu s-Santu jfehimni dak li naqra u ninterpreta f’ħajti dak li nifhem. Inħalli moħħi jittrasforma, jinbidel. Għax jeżistu diversi ilħna qarrieqa u rrid nitgħallem niddixxerni leħen il-Maħbub Ragħaj.
Jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja
Minn xiex jagħrafhom lin-nagħaġ tiegħu? Għax jisimgħu leħnu! U jimxu warajh! Din hi l-badge tiegħi: l-ubbidjenza fidila lejh. Ħarsti fuqu.
Jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd.
Xi kliem ta’ faraġ! Diġà rċevejna l-ħajja ta’ dejjem jekk nemmnu f’Ġesù, l-Iben ta’ Alla l-Ħaj. U mhux għax nimmeritawha: hi rigal mingħand dak li jħobbna. Tassew, x’espressjoni qawwija: “huma ma jintilfu qatt.” Kif nista’ ngħix imdejjaq jew qalbi maqtugħa meta nisma’ kliem bħal dan? “Minn idejja ma jaħtafhomli ħadd.” Xejn ma jifridni mill-imħabba ta’ Alla li dehret f’Sidi Ġesù Kristu.
Missieri, li tahomli
Is-sigurtà li kellu Ġesù meta qal dan il-kliem ġietu mill-fatt li kien jaf min tah dawn in-nagħaġ. Jien naf li jien maħbub. Jien naf li jien għażiż. Jien naf li għandi l-ħajja eterna. Għax Alla ma jqarraqx bija, ma jidħaqx bija. Jien tiegħu u Hu tiegħi. Grazzi, Mulej!
Kif tista’ ma temminx?
Aħseb ftit, kif u fiex qed tinvesti ħinek u l-enerġija tiegħek? Lil min qed tisma’? Agħrbel lilek innifsek u fittex skopri għaliex m’għandekx ħin tiskot u tfittex lilu li jħobbok?
Agħraf min huma l-għedewwa tiegħek, il-ħallelin li qed jagħmlu ħilithom biex jisirquk, joqtluk, u jeqirduk.
Taħseb int li hija kumbinazzjoni li ħafna Nsara qed jitilqu l-fidi?
Agħmel il-qalb. Ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier.
Talba
Maħbub Ragħaj, grazzi talli tajt ħajtek għalina sabiex ħadd ma jkun jista’ jisraqna mit-tgħanniqa kollha mħabba tiegħek. Ammen.
Ammen.




