għolja mill-isbaħ

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum il-Ħamis 30 ta’ Ġunju 2022.

Salm 47 (48)

Radd il-ħajr għas-salvazzjoni tal-poplu
Ħadni fuq muntanja kbira u wrieni l-Belt, Ġerusalem. (Apok 21:10) 

Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru ħafna *
fil-belt ta’ Alla tagħna.
L-għolja qaddisa tiegħu, għolja mill-isbaħ, *
l-għaxqa tal-art kollha.
L-għolja ta’ Sijon fil-qalba tat-tramuntana; *
hi l-belt tas-sultan il-kbir.
Alla fil-fortizzi tagħha *
wera ruħu bħal sur qawwi. 

Ara, is-slaten ingħaqdu, *
imxew ilkoll flimkien;
kif rawha, baqgħu mistagħġba, *
tfixklu u ħarbu.
Hemm qabdithom rogħda kbira, *
u wġigħ bħal dak tal-ħlas.
Bir-riħ tal-lvant int tfarrak *
l-iġfna ta’ Tarsis. 

Kif smajna, hekk rajna f’belt il-Mulej tal-eżerċti, †
fil-belt ta’ Alla tagħna. *
Alla jżommha sħiħa għal dejjem!
Naħsbu, o Alla, fuq it-tjieba tiegħek *
f’nofs it-tempju tiegħek.
Bħal ismek, o Alla, hekk tifħirek, †
sa truf l-art jasal. *
Il-leminija tiegħek bis-sewwa mimlija.
Tithenna l-għolja ta’ Sijon, †
jifirħu l-bliet ta’ Ġuda, *
minħabba l-ġudizzji tiegħek. 

Duru ma’ Sijon, duru dawra magħha, *
araw kemm-il torri għandha.
Ħarsu sewwa lejn is-swar tagħha, †
duru bir-reqqa l-fortizzi tagħha, *
biex ixxandru lin-nisel ta’ wrajkom:
Dan hu Alla! †
Alla tagħna għal dejjem ta’ dejjem; *
hu jmexxina għal dejjem! 

Glorja.

Ant. 3: Il-Mulej hu kbir, u jistħoqqlu t-tifħir f’Sijon.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/