Fl-2016 Papa Franġisku ta iżjed importanza lil Marija ta’ Magdala, għaliex għolla t-tifkira tagħha għal festa. Fl-Evanġelju skont San Ġwann, hi għandha rwol importanti għaliex tkun hi l-ewwel waħda li tmur ħdejn il-qabar ta’ Ġesù, u tkun hi li ssibu vojt u tmur twassal din l-aħbar lil Pietru u lid-dixxiplu l-maħbub li mal-ewwel jitilqu lejn il-qabar biex jaraw.
F’San Ġwann f’kapitlu 20, 1-10, l-evanġelista juża tliet verbi differenti ta’ kif dawn it-tliet personaġġi jħarsu lejn il-qabar vojt:
- Marija ta’ Magdala tara l-qabar vojt—l-evanġelista juża l-verb blepo (βλέπω).
- Id-dixxiplu l-maħbub meta jasal u jħares minn barra, ukoll jiġi deskritt li ra b’dan il-verb. Ifisser li sempliċiment tħares b’ħarsa ta’ malajr, mhux fid-dettal, jew b’xi profondità tal-qalb; ifisser li tħares biss bl-għajnejn.
- Pietru jara u huwa deskritt bil-verb teoreo (θεωρέω), il-verb li minnu toħroġ il-kelma teatru, fejn l-ispettaturi jridu jikkonċentraw fuq x’qed jaraw biex jifhmu—tosserva x’hemm/you guard.
- Id-dixxiplu l-maħbub jara u jemmen (ὁράω). Il-verb horao jimplika li wieħed jara iżjed b’mod spiritwali, b’mod profond. Fil-fatt, il-verb to know ukoll ġej mill-verb horao: l-għarfien jimplika li tara bi kjarezza kbira. Taħt is-salib meta Ġesù jara lil ommu u lid-dixxiplu l-maħbub insibu wkoll l-użu tal-verb (horao).
F’din ix-xena ta’ Marija ta’ Magdala, Pietru u d-Dixxiplu l-maħbub, insibu xena sabiħa tal-Knisja sinodali li timxi flimkien għall-fidi f’Ġesù. F’dan il-passaġġ insibu tliet personaġġi li ħarsu lejn il-qabar—il-qabar li jindika l-glorifikazzjoni. Imma nsibu wkoll tliet modi kif iħarsu, u dan huwa espress fl-użu differenti tal-verbi Griegi li nsibu f’dawn il-ftit vrus.
Għalkemm Marija ta’ Magdala ma daħlitx, kienet hi li waslet lil dawn id-dixxipli l-oħra jagħmlu esperjenza tal-Mulej. Marija, għalkemm ma daħlitx fil-qabar, tiltaqa’ ma’ Ġesù barra l-qabar.
Papa Franġisku jikteb fuq Marija ta’ Magdala u jgħid:
Hu waqt li tinsab mixħuta ħdejn il-qabar, b’għajnejha mimlija dmugħ, li Alla jissorprendiha bl-aktar mod mhux mistenni. L-evanġelista Ġwanni jagħfas fuq kemm kien persistenti l-għama tagħha: lanqas tintebaħ bil-preżenza ta’ żewġ anġli li jistaqsuha, u lanqas jgħaddilha minn moħħha l-iċken suspett meta tara lil dak ir-raġel li tfaċċa minn wara spallejha, li hi ħasbitu għassa mal-ġnien. Imma hekk tiskopri l-aktar ġrajja straordinarja tal-istorja umana meta sa fl-aħħar tisma’ min isejħilha b’isimha: “Marija!” (v. 16) … U Ġesù jsejħilha: “Marija!”: ir-rivoluzzjoni ta’ ħajjitna, ir-rivoluzzjoni ddestinata li tibdel il-ħajja ta’ kull bniedem, tibda bl-eku ta’ isem fil-ġnien tal-qabar vojt. L-Evanġelji jfissrulna l-ferħ ta’ Marija: il-qawmien ta’ Ġesù mhuwiex ferħ li jinżel qatra qatra, imma kaskata sħiħa li xxarrab għasra l-ħajja kollha.
Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali, 17 ta’ Mejju 2017