imsawba l-ħlewwa fuq xufftejk

 

Talb ta’ nofs il-jum, illum is-Sibt 23 ta’ Lulju 2022.

Salm 44 (45)
(I) It-tieġ tas-sultan
Ara l-Għarus! Oħorġu ilqgħuh! (Mt 25:6)

Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ; †
ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan; *
ilsieni pinna ta’ kittieb ħafif.

Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, †
imsawba l-ħlewwa fuq xufftejk; *
għalhekk bierkek Alla għal dejjem.

Tħażżem, qalbieni, b’sejfek fuq ġenbek; *
ilbes il-ġieħ u l-ġmiel tiegħek!
Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq; *
turik lemintek ħwejjeġ tal-għaġeb!
Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, †
taħtek jaqgħu l-popli; *
jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan.

It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta’ dejjem; *
xettru tas-sewwa hu x-xettru ta’ saltnatek!
Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen; *
għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek,
b’żejt il-hena aktar minn sħabek.

Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja,
kollha fwieħa lbiesek. *
Mill-palazzi tal-avorju
jferrħek id-daqq tal-kordi.
Bniet is-sultan joħorġu jilqgħuk; *
f’lemintek is-sultana
mżejna b’deheb ta’ Ofir.

Glorja.
Ant. 2: Ngħanni ferħana b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj.

Ant. 3: Jien tal-maħbub tiegħi, u huwa tiegħi.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/