Il-qawmien mill-imwiet huwa ċentrali għall-fidi nisranija, infatti fil-Kompendju tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika nsibu miktub li “l-Qawmien ta’ Ġesù mill-mewt huwa l-qofol tal-verità tal-fidi tagħna fi Kristu, u flimkien mas-Salib, jirrappreżenta parti essenzjali mill-Misteru tal-Għid.”
Fit-Testment il-Qadim insibu li l-poplu ta’ Iżrael kien diġà jemmen li l-qawmien mill-imwiet huwa f’idejn Alla. F’Salm 49 insibu: “Imma lili Alla jifdili ħajti, mis-setgħa tal-imwiet żgur jaħtafni” (Salm 49, 16). Fit-Testment il-Ġdid insibu numru ta’ mirakli li Ġesù għamel, u fi wħud minn dawn insibu lil Ġesù jqajjem nies mill-mewt (Lq 8, 49-56, il-qawmien ta’ Bint il-kap tas-sinagoga; Ġw 11, 38-44, il-qawmien ta’ Lazzru; Lq 7, 11-15, il-qawmien tat-tifel tal-armla ta’ Najn). Wieħed mir-rakkonti l-iżjed famużi huwa dak tal-qawmien mill-mewt ta’ Lazzru. Lil Lazzru Ġesù jikkmandah biex joħroġ mill-qabar, filwaqt li l-kelma Griega għall-qawmien hija anastasis, li tfisser tlugħ. Iżda hemm differenza bejn risuxxitazzjoni kif ġara lil Lazzru u riżurezzjoni.
Fid-29 ta’ Lulju tiġi ċċelebrata t-tifkira obbligatorja ta’ Santa Marta, Santa Marija (ta’ Betanja) u San Lazzru. Jekk inħarsu lejn id-differenza bejn il-qawmien ta’ Lazzru u ta’ Kristu, Lazzru kien imqajjem għal ħajja fiżika, filwaqt li fir-riżurezzjoni tal-ġisem, kif jgħid San Pawl fl-ewwel ittra lill-Korintin, fil-“qawmien mill-imwiet; jinżera’ ġisem li jitħassar, iqum ġisem li ma jitħassarx; jinżera’ fl-għajb, iqum fil-ġieħ; jinżera’ fid-dgħufija, iqum fis-saħħa; jinżera’ ġisem naturali, iqum ġisem spiritwali” (15, 42-45). Xi differenzi huma li, filwaqt li Lazzru jerġa’ jmut, Kristu jqum mill-imwiet għall-eternità. Barra minn hekk, fil-qawmien ta’ Ġesù, meta Marija ta’ Magdala, id-dixxiplu l-maħbub u Pietru jmorru jżuru l-qabar, isibu l-biċċiet tal-għażel li kienu ntużaw fit-tkeffin ta’ Ġesù mitwijin, Lazzru jqum bil-lożor użati mkebbin miegħu, u huwa Ġesù li jordnalhom biex ineħħuhomlu.
Meta Ġesù jasal quddiem il-qabar ta’ Lazzru, huwa jgħid: “‘Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?’ ‘Iva, Mulej,’ weġbitu, ‘Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.’” (Ġw 11, 25-27). Jien kemm nemmen f’dan?