Bħal daqxejn ta’ nifs hu l-bniedem

 

L-għasar, illum il-Ħamis 18 ta’ Awwissu 2022.

Salm 143 (144)

(I) Radd il-ħajr wara r-rebħa u s-sliem
Idejh kienu mħarrġa għat-taqbida meta rebaħ id-dinja; u qal Jiena rbaħta d-dinja. (S. Ilarju) 

Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi, †
li jħarriġli jdejja għat-taqbida *
u subgħajja għat-taqtigħa.
Tjieba tiegħi u qawwa tiegħi, *
kenn tiegħi u ħellies tiegħi,
tarka tiegħi, fih jien nistkenn; *
hu li jrażżan il-popli taħti. 

Mulej, x’inhu l-bniedem biex taħseb fih, *
jew bin il-bniedem biex tiftakar fih?
Bħal daqxejn ta’ nifs hu l-bniedem; *
bħal dell li jgħaddi huma jiemu. 

Ofroq, Mulej, is-smewwiet tiegħek u inżel; *
miss l-għoljiet, u huma jdaħħnu.
Agħmel il-beraq u xerridhom; *
faqqa’ s-sajjetti u ħarrabhom.
Midd idek mill-għoli, *
aħtafni mill-ilma kotran;
eħlisni minn id il-barrani, †
li b’fommu jgħid il-gideb, *
u b’lemintu jixhed il-qerq. 

Glorja.

Ant. 1: Il-Mulej hu t-tjieba u l-kenn tiegħi: fih nittama.

Ant. 2: Hieni l-poplu li l-Mulej hu Alla tiegħu.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/