
Mulej, iftħilna!
Il-Wieħed u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Kolletta
O Alla, inti tgħaqqad il-fidili tiegħek flimkien, bil-fehmiet kollha tagħhom, u tiġborhom rieda waħda bejniethom; agħmel li l-poplu tiegħek ikun iħobb il-preċetti tiegħek u jixtieq il-ġid li inti twiegħdu, biex, fost il-ħafna taqlib ta’ din id-dinja, il-qlub tagħna jieqfu fis-sod fejn hemm tassew il-hena. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
“Mulej, jaqaw ftit huma li se jsalvaw?” Din hi mistoqsija li ħawdet lil-Lhud fi żmien Kristu. U il-mistoqsija dwar is-salvazzjoni hija waħda li t-teoloġi ta’ żmienna għadhom jiddibattu. Il-qari llum jagħtina tliet punti biex nixtarru dwar is-salvazzjoni.
L-ewwel kelma hija ‘Tħabtu’: Irridu nitħabtu għas-salvazzjoni. Ma rridux neħduha forgranted li la aħna mgħammdin, la aħna mmorru l-Knisja, jew forsi nitolbu ta’ kuljum, mela aħna ta’ ġewwa u nistgħu nserrħu moħħna. Is-salvazzjoni tagħna ma tiddependix biss fuq kemm nafu lil Ġesù jew kemm nafu fuq ir-reliġjon imma fuq kemm fil-fatt ngħixuha bis-sħiħ, kemm nitħabtu għas-sewwa u għat-tajjeb. Kif jgħidilna l-awtur tal-Ittra lill-Lhud fit-Tieni Qari, irridu nerfgħu jdejna merħija u rkupptejna mitluqa biex nimxu t-triq dritta.
It-tieni punt jorbot mat-triq dritta. Fl-Evanġelju nsibu it-tixbiha tal-bieb id-dejjaq. Il-Papa Franġisku jfisser li l-bieb id-dejjaq mhux qiegħed hemm biex joħnoqna imma jitlob minna l-umiltà. Jekk nintefħu bina nfusna ma ngħaddux mill-bieb id-dejjaq. L-umiltà u n-nuqqas ta’ biża’ jgħinuna ninfetħu għal Alla b’qalb mimlija fiduċja, bl-għarfien li aħna midinbin u li għandna bżonn is-salvazzjoni, l-imħabba u l-maħfra ta’ Alla (Angelus, 21 ta’ Awwissu, 2016).
It-tielet punt li nsibuh kemm fl-Ewwel Qari u fl-Evanġelju huwa li s-sejħa għas-salvazzjoni hija għal nies mill-ġnus kollha. Forsi aħna kemm-il darba nsibu ruħna niġġudikaw u neskludu gruppi ta’ nies f’moħħna, miċ-ċrieki tagħna, mil-Knisja, u naqtgħuha li dawn mhumiex salvi. Imma Ġesù hawn iwissina li m’għandniex niġġudikaw, iżda nemmnu li kulħadd mistieden għall-imħabba ta’ Alla. U, kif fakkarna l-Papa Franġisku fil-pellegrinaġġ penitenzjali tal-Kanada, din l-istedina rridu nwassluha bl-imħabba, bil-libertà u mingħajr ma noħonqu l-ħajja tal-oħrajn.
Talba
Mulej, nitolbuk biex nitħabtu ħalli nħobbu lil kulħadd kif tħobb int: b’libertà li tagħti l-ħajja imma li wkoll tirrikjedi minna sagrifiċċji u umiltà.
Ammen.