
Miexja ma’ Ġesù
It-Tlieta u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ
Kolletta
O Alla, inti tajtna l-fidwa u għamiltna wlied adottivi tiegħek; ħares bit-tjieba lejn l-ulied għeżież tiegħek, biex dawk kollha li jemmnu fi Kristu jkunu ħielsa tassew u jiksbu l-wirt ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù ma jikkuntentax billi aħna nimxu warajh imma jrid jagħmilna konxji ta’ xi prezz irridu nkunu lesti li nħallsu. Il-folol kbar qatt ma impressjonaw lil Ġesù. Hi mill-motivazzjoni tagħhom li jimxu warajh li kien jimpurtah l-aktar. Fil-fatt ipoġġi tliet kundizzjonijiet għal min irid jimxi warajh:
“… jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’il ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu”;
“Min ma jerfax salibu u jimxi warajja …”; ·
“… jekk ma jitlaqx ġidu kollu.”
Barra minn hekk, biex timxi wara Ġesù trid qabel xejn tiddixxerni: “Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwel nett iqis in-nefqa … Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda …”
Hu jistedinna npoġġu bilqiegħda u niddixxernu jekk aħniex kapaċi nilħqu l-miri tiegħu. Meta noqgħod fil-kwiet ma’ din is-silta tajjeb insir konxju tal-ħsibijet u s-sentimenti li qed tqanqal fija. Kliem Ġesù qed iħawwadni? X’inhu jitlob minni? Kif jista’ Ġesù jitlob minni li nġib lilu qabel dawk tant għeżież għalija, qabel il-ġid tiegħi? Forsi nasal biex inċedi l-ġid tiegħi, iżda mhux daqshekk faċli li nċedi l-għeżież tiegħi. Ir-rabtiet emozzjonali u materjali jafu jidħlu bejni u bejnu bil-konsegwenza li jipparalizzaw il-mixja tiegħi warajh.
Sant’Injazju ta’ Loyola, fl-Eżerċizzi Spiritwali, jgħidilna li Ġesù jridni ninħeles mid-diżordni li dawn il-ġibdiet iġibu fil-ħajja tiegħi. Huwa fatt li Ġesù għandu xewqa kbira li jpoġġi l-ordni fil-ħajja tiegħi. Id-dixxerniment jgħinni nagħraf il-limiti tiegħi u jeħlisni minn konkluzzjonijiet mhux realistiċi.
Ġesù jridni nimxi warajh meħlus mil-lamentazzjoni dwar dak li ħallejt warajja biex nimxi warajh. Bħal Pietru, jiena wkoll nista’ noqgħod nagħmel kalkoli ta’ dak li ċedejt u ta’ dak li nippertendi bħala kumpens.
F’silta oħra, Ġesù jgħidilna li dak kollu li se nħallu għal imħabba tiegħu ħa jroddulna lura għal mitt darba aktar. Tiftakru dan il-kliem?
Talba
Mulej, eħlisni minn qtigħ il-qalb biex nimxi warajk.
Ammen.
Poġġi bilqiegħda u ħallini niftaħ qalbi miegħek.
Jien nemmen li int ser tagħtini s-saħħa li nagħmel dan il-pass kuraġġuż u nimxi warajk.