u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom

 


L-uffiċċju tal-qari, illum is-Sibt 5 ta’ Novembru 2022.
Salm 106 (107)

(I)
Radd ta’ ħajr għall-ħelsien
Alla bagħat il-kelma tiegħu lil ulied Iżrael biex ixandrilhom il-Bxara t-tajba tas-sliem b’ Ġesù Kristu. (Atti 10:36) 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, *
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
Ħa jgħidu hekk il-mifdijin tal-Mulej, *
dawk li hu fdiehom mill-ħakma tal-għadu;
ġabarhom minn ħafna artijiet, *
mil-lvant u l-punent, mit-tramuntana u  n-nofsinhar. 

Kienu jiġġerrew fid-deżert, †
u  jterrqu fix-xagħri; *
belt fejn jgħammru ma sabux.
Bil-għatx u bil-ġuħ, *
saħħithom bdiet tħallihom. 

Għajtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, *
u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
U qabbadhom it-triq it-tajba, *
biex imorru f’belt fejn jgħammru. 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.
Għaliex hu jxebba’ lil min hu bil-għatx, *
u jimla bil-ġid lil min hu bil-ġuħ. 

Kienu fid-dlam u f’dell il-mewt, *
miżmuma fl-għaks u l-ktajjen,
għax ħaduha kontra l-kelma ta’ Alla, *
u warrbu l-ħsieb tal-Għoli.
Għalhekk b’xogħol iebes għakkishom; *
waqgħu mitluqa bla ma sabu għajnuna. 

Għajtu lill-Mulej fil-hemm tagħhom, *
u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
U ħariġhom mid-dlam u minn dell il-mewt, *
u kisser il-ktajjen tagħhom. 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, *
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.
Kisser il-bwieb tal-bronż, *
u qasam l-istaneg tal-ħadid. 

Glorja.

Ant. 1: Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Ant. 2: Huma raw l-opri tal-Mulej u l-għeġubijiet tiegħu.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/