Għad-dell ta’ ġwenħajk

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum l-Erbgħa 16 ta’ Novembru 2022
Salm 35 (36)

Il-ħażen tal-midneb, it-tjieba tal-Mulej
Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda għandu d-dawl tal-ħajja. (Ġw 8:12) 

Il-ħażen ifesfes lill-ħażin f’qiegħ qalbu; *
m’hemmx biża’ ta’ Alla quddiem għajnejh. 

Għax hu jiddandan bil-fehma tiegħu, *
li Alla ma jsibx fih ħtija x’jistmell.
Kliem fommu kollu qerq u gideb, *
ma jimxix bil-għaqal, ma jagħmilx il-ġid.
Fuq friexu jaħseb kif se jqarraq, *
triq ħażina qabad, ma jwarrabx dak li hu ħażin. 

Mulej, sas-smewwiet tasal it-tjieba tiegħek, *
sas-sħab il-fedeltà tiegħek.
M’ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek, *
baħar bla qiegħ il-ħaqq tiegħek. 

Kemm hi għażiża t-tjieba tiegħek, o Alla! †
Għad-dell ta’ ġwenħajk
jistkennu wlied il-bnedmin. *
bnedmin u bhejjem int tgħinhom, Mulej!
Jixbgħu bil-ġid tad-dar tiegħek, *
tisqihom ix-xmara tal-hena tiegħek.
Għax għandek hemm l-għajn tal-ħajja, *
fid-dawl tiegħek naraw id-dawl. 

Żomm it-tjieba tiegħek ma’ min jagħrfek, *
il-ġustizzja tiegħek ma’ min hu qalbu safja.
Ma jersaqx għal fuqi riġel kburi, *
ma titfagħnix ’il barra id il-ħażin.
Hemm waqgħu dawk li jagħmlu l-ħażen, *
intefgħu għal isfel u ma jistgħux iqumu. 

Glorja.

Ant. 1: Fid-dawl tiegħek, o Alla, naraw id-dawl.

Ant. 2: Mulej, kbir int u msebbaħ, tal-għaġeb u b’saħħtek.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/