
Ġesù jitwieled minn Marija l-għarusa ta’ Ġużeppi, bin David
Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent Sena A
Kolletta
Sawwab f’ruħna, Mulej il-grazzja tiegħek, biex aħna li, bit-tħabbira tal-Anġlu, għarafna li Kristu Ibnek sar bniedem, bil-passjoni u l-mewt tiegħu naslu fis-sebħ tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Matul dan l-Avvent, permezz tal-girlanda b’erba’ xemgħat, konna mistiedna biex kull nhar ta’ Ħadd nirriflettu fuq it-Tama, l-Imħabba, il-Ferħ u, fir-Raba’ Ħadd, fuq il-Paċi.
Kemm hi nieqsa il-paċi fostna u lil hinn minn xtutna! Biżżejjed naħsbu f’min ġarrab xi diżgrazzja f’pajjiżna. Biżżejjed naħsbu fil-komunità Ukrena li qed tgħix fostna minħabba dak li l-Papa Franġisku jirreferi għalih bħal il-poplu Ukren martorjat.
Fl-Ewwel Qari, Alla jistieden lil Aħaż biex jitolbu sinjal. Iżda Aħaż tilef il-paċi tiegħu għax irreżista milli jagħmel dan għal diversi raġunijiet. Ma riedx jittanta lil Alla. Alla bħal f’kull ċirkostanza li tonqosna r-rieda u l-paċi jkun pront jagħtina sinjal ta’ paċi: ix-xebba titqal u tiled tarbija.
Din ix-xebba u dan il-wild, kif ħabbru l-anġli nhar il-Milied, ġabu paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Fis-Salm 23(24) nitolbu li, minn dawn in-nies ta’ rieda tajba, Alla jsawwar għalih nissel ta’ dawk li jfittxu wiċċ Alla ta’ Ġakobb.
Fl-Evanġelju, meħud mill-ewwel kapitlu ta’ San Mattew, naraw lil Ġużeppi mfixkel, nieqes mill-paċi. Ġużeppi narawh jiddixxerni x’inhu l-aħjar biex l-għarusa tiegħu Marija ma tispiċċax fil-ġudizzju bla ħniena tan-nies. Alla ma jħallix lil Ġużeppi fid-dlam tad-dubju imma jieħu ħsiebu fil-hemm tiegħu.
L-anġlu ta’ Alla jwennes lill-qalb imbeżżgħa ta’ Ġużeppi billi jirrivelalu li dak li qed iseħħ hu kollu ġej mir-rieda ta’ Alla għall-umanità.
Nimmaġinaw ftit kif ħassu Ġużeppi meta qalbu straħet fir-rieda ta’ Alla meta ġie muri lilu li hu wkoll kien parteċipi fil-pjan tas-salvazzjoni. Kien wara li kiseb din il-paċi li hu seta’ jidħol fil-pjan ta’ Alla u jieħu għandu lil Marija.
Talba
Mulej, agħtini l-grazzja biex, bħal Ġużeppi, jien niddixxerni dak li inti tixtieq minni. Bħal Ġużeppi, agħtina l-grazzja li nwarrab il-pjanijiet tiegħi biex nidħol b’ħafna paċi, fiduċja u entużjażmu fid-dinamika tar-rieda mqaddsa tiegħek għalija.
Ammen