Għannu lill-Mulej għanja ġdida

 


Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum it-Tnejn 23 ta’ Jannar 2023.

Salm 95 (96)

Il-Mulej sultan u mħallef tad-dinja
Jgħannu għanja ġdida quddiem it-tron u l-Ħaruf. (Apok 14:3) 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida; *
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej, bierku ismu! *
Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.
Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu, *
fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. 

Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru ħafna, *
tal-biża’ aktar mill-allat kollha.
Għax kollha frugħa l-allat tal-popli; *
Jaħweh hu li għamel is-smewwiet!
Ġmiel u sebħ huma quddiemu, *
qawwa u sbuħija fis-santwarju tiegħu. 

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli, †
agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa; *
agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu!
Ġibulu l-offerti, †
u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu; *
inxteħtu quddiem il-Mulej b’tiżjin qaddis;
triegħdu quddiemu, nies kollha tal-art! *
Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”
Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek; *
hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa. 

Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art, *
ħa jħabbat il-baħar u kulma fih,
ħa jifraħ ir-raba’ u kulma fih, *
u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk
quddiem il-Mulej, għax ġej, *
għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.
Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, *
u mill-popli bis-sewwa tiegħu. 

Glorja.

Ant. 3: Għannu lill-Mulej, bierku ismu.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/