
Ħobbu lill-għedewwa tagħkom
Is-Seba’ Ħadd Matul is-Sena A
Kolletta
Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li naħsbu dejjem fis-sewwa, u li, bil-kliem u l-għemil, nagħmlu dak li jogħġob lilek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Bħalma smajna l-Ħadd li għadda, illum Ġesù jkompli l-aħħar parti tal-litanija ta’ kmandamenti li hu jixtieq iwassalhom għall-milja tagħhom, jgħollihom għal livell ogħla. Mhux għax tal-ġimgħa l-oħra ma kinux hekk—meta qalilna biex ma noqtlux bi lsienna, ma nagħmlux adulterju lanqas f’qalbna, u biex inkunu fidili lejn Alla mingħajr il-ħtieġa ta’ wegħdiet u ġuramenti—imma tal-lum huma iktar iffukati direttament fuq ir-relazzjoni tagħna ma’ ħutna ta’ madwarna.
Għalkemm “Għajn b’għajn u sinna b’sinna” kien diġà progress kbir għal-liġi tal-ġungla li kien hemm issaltan fost il-bnedmin fejn tidħol tpattija, Ġesù jrid jerfagħna ’l fuq hekk li ma nħallux l-inġustizzji ta’ madwarna, jew dawk li nsofru aħna stess, iwaqqfuna milli nagħmlu dak li hu sewwa u nagħżlu t-tajjeb; ma jridniex naqgħu għall-istess livell ta’ min jagħżel il-ħażin biex jikseb li jrid. Ovvjament, din tmur kontra l-istint naturali tat-tpattija, imma flok nitbaxxew lejn dak li għandu mill-bhejjem fina, Ġesù jrid jerfagħna għal dak li jixbah iktar lil Alla fina.
U allura tiġi waħedha li Ġesù ma jikkuntentax sempliċiment b’“Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek” għax Alla mhux hekk iġib ruħu magħna meta ma jagħmilx distinzjoni fit-tqassim tad-doni u l-grazzji tiegħu bejn il-ħżiena u t-tajbin għax il-bnedmin kollha huma ħlejjaq tiegħu u fuq kollha kemm huma jixħet id-dawl tiegħu u jniżżel ix-xita tal-grazzja tiegħu fuq il-ħżiena flok bil-fiduċja li huma wkoll xi darba kapaċi jsiru tajbin.
Ikollna nammettu li meta jgħidilna, “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet,” Ġesù qed jitlob xi ħaġa tassew kbira minna. Il-kejl mhuwiex ‘kun tajjeb bħalma huma tajbin dak it-tali jew dik it-talija’ imma ‘aqdef sabiex tkun tajjeb bħalma hu tajjeb Alla li x-xbieha tiegħu hija minquxa fik.’ Ma nistgħux nieqfu biss ma’ relazzjonijiet reċiproċi, nagħtik biex tagħtini, naqdik biex meta jkolli bżonnok taqdini int għax tħossok obbligat.
U biex tkun taf fejn tinsab f’din il-biċċa tax-xogħol, Ġesù jagħtina kejl tassew sempliċi imma li jitkellem b’mod qawwi fuq l-attitudni tagħna: “jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan?” Lil min issellem inti? Lil min deċiż li ma tridx issellimlu? Lil min iddeċidejt li “saħħa” u “bonġu” biss u xejn iktar? Għax, tassew, anke din l-umanità bażika li ssellem qegħdin nitilfu, b’mod partikolari filgħodu meta konna mdorrijin ngħidu “Bonġu” anke lil min ma nafuhx minn Adam. Qed tintilef l-umanità bażika li tagħmilna kapaċi nirrelataw wiċċ imb wiċċ, bħala bnedmin u mhux bħala magni.
Talba
Mulej, il-perfezzjoni li titlob minna, wara kollox, hija l-perfezzjoni tal-umanità tagħna. Għalkemm insibuha diffiċli u titlob sforz għax tpoġġina f’kunflitt kontinwu mal-istint tagħna, Mulej, agħtina l-qawwa meħtieġa sabiex il-mira tagħna tkun li nħallu tidher ix-xbieha tiegħek fina sabiex hekk inwasslu lil oħrajn biex huma wkoll jagħrfu din ix-xbieha tiegħek fihom u jħalluha tiddi, u hekk inkunu ilkoll iktar perfetti, nixbhu lil Alla, billi nkunu iktar umani. Ammen.



