Matul iż-Żmien Liturġiku tar-Randan jintuża l-kulur vjola. U, għalkemm drajna nassoċjaw dan il-kulur ma’ dan iż-żmien u wkoll ma’ Żmien l-Avvent—bl-eċċezzjoni ta’ Ħadd il-Ferħ fit-Tielet Ħadd tal-Avvent u fir-Raba’ Ħadd tar-Randan—it-tifsira tiegħu ma tiġiniex daqshekk awtomatika. Huwa wkoll il-kulur li naraw użat fil-funerali, u waqt iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti tal-Fejqan, jiġifieri l-Qrar u l-Griżma tal-Morda.
Fl-istorja tal-Knisja, riti, postijiet u tradizzjonijiet liturġiċi differenti kellhom kuluri differenti li mhux dejjem kienu jaqblu b’mod universali fl-użu tagħhom. Jidher li, filwaqt li għall-bidu l-kulur ewlieni użat kullimkien fil-liturġija kien l-abjad, maż-żmien jispikkaw tliet ilwien oħra: l-aħmar, l-aħdar u l-iswed. Il-vjola jissemma’ biss bħala użat okkażjonalment. Allura nifhmu li kien maż-żmien li mill-użu tal-iswed il-Knisja għaddiet għall-użu tal-vjola b’mod iktar mifrux u regolari fi Żmien ir-Randan u l-Avvent.
Għalkemm jidher li m’hemmx xi tifsira espliċita applikata għal dawn il-kuluri, ħlief għas-safa u d-dija tal-abjad, id-demm u n-nar tal-Ispirtu għall-aħmar, u l-vistu għall-iswed, b’mod mistiku nistgħu nqabblu l-vjola mal-kulur tal-mewt u t-tbenġil, u allura jnissel fina niket u melankonija. Billi mhuwiex kulur vivaċi, imur tajjeb ħafna mal-karattru penitenzjali tar-Randan li bil-mod il-mod idawrilna l-ħarsa tagħna lejn il-ġisem imbenġel tal-Imgħallem waqt il-Passjoni, li l-Liturġija tal-Knisja tħeġġiġna biex niffukaw fuqu fil-ħames ġimgħa u fil-Ġimgħa Mqaddsa bi tħejjija għat-tridu tal-Għid.