Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu

Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid

M’hemmx salvazzjoni ħlief biss fl-Isem ta’ Ġesù.
Atti 4, 8-12

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Pietru, mimli bl-Ispirtu s-Santu, wieġeb: “Kapijiet tal-poplu u xjuħ, intom illum qegħdin tistħarrġuna fuq il-ġid li għamilna lil wieħed marid, u biex dan fieq. Mela kunu afu intom ilkoll, u l-poplu kollu ta’ Iżrael: jekk dan ir-raġel hu hawn quddiemkom qawwi u sħiħ, dan ġara bis-saħħa tal-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, li intom sallabtuh u Alla qajmu mill-imwiet. Dan Ġesù hu l-ġebla li intom, il-bennejja, warrabtu u li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 117 (118), 1.8-9.21-23.26.28ċd.29

R/. (22): Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka

Jew

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
Aħjar tiskenn fil-Mulej
milli tittama fil-bnedmin.
Aħjar tiskenn fil-Mulej
milli tittama fil-kbarat. R/.

Niżżik ħajr talli weġibtni
u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.

Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej!
Inberkukom minn dar il-Mulej.
Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.
Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu! R/.

Għad jaraw lil Alla kif inhu.
1 Ġw 3, 1-2

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew. Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx lilu.

Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 10, 14

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,
u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.
R/. Hallelujah.

Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.
Ġw 10, 11-18

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-mikri, li mhuwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ mhumiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ.

Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti. Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.

Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

F’din is-silta tar-Ragħaj it-Tajjeb insibu riflessjoni ta’ kuntrasti. Hemm kuntrast bejn il-Ragħaj li ‘jagħti ħajtu’ minn rajh u l-mikri li ‘jħalli n-nagħaġ u jaħrab.’  Minn naħa għandna r-Ragħaj it-Tajjeb bil-kuraġġ li l-libertà u l-imħabba għan-nagħaġ tiegħu biss jistgħu jġibu magħhom. Min-naħa l-oħra hemm il-mikri li m’għandux imħabba għan-nagħaġ tiegħu, hu maħkum mill-biża’ quddiem l-għawġ u qiegħed hemm biss għall-flus. 

Quddiem dawn iż-żewġ figuri jitilgħu żewġ riflessjonijiet. Jiena f’idejn min qed nafda ħajti? Tassew nagħraf li Kristu huwa r-Ragħaj tiegħi li lest jagħti ħajtu għalija bl-imħabba? Meta jiena ninsab fl-għawġ nafda ruħi f’idejh, fil-kuraġġ tiegħu? Jista’ jkun li jien nippreferi nimxi wara l-mikri li forsi jwiegħed il-ġenna imma fil-għawġ kollox jisfuma fix-xejn?

U jiena ma’ liema figura nista’ nxebbah lili nnifsi? Mar-Ragħaj li jħobb jew ma’ dak li jibża’? Niftakru fl-istedina li għamlilna Ġesù biex aħna wkoll, bħar-Ragħaj it-Tajjeb, f’kull rwol li għandna fil-ħajja tagħna nkunu lesti li nagħtu ħajjitna, bħal dik iż-żerriegħa li tmut biex tagħti l-ħajja

Illum, il-Knisja tistedinna biex nitolbu għall-vokazzjonijiet. Nitolbu għalhekk għar-Rgħajja tagħna fil-Knisja biex bħar-Ragħaj it-Tajjeb jibqa’ jkollhom il-kuraġġ li jmexxu anke quddiem l-ilpup Ii jiltaqgħu magħhom. Nitolbu għaż-żgħażagħ biex jwieġbu għas-sejħat tagħhom bi spirtu ta’ servizz u fedeltà. U nitolbu għalina lkoll biex ngħixu l-vokazzjoni tagħna fil-ħajja, hi x’inhi, b’din l-istess imħabba.