u ejja ħa ssalvana
Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum il-Ħamis 9 ta’ Marzu 2023.
Salm 79 (80)
Mulej, żur id-dielja tiegħek
Ejja, Mulej Ġesù. (Apok 22:20)
O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen, *
int li tmexxi bħal merħla ’l Ġużeppi.
Int li qiegħed fuq il-kerubini, *
iddi quddiem Efrajm, Benjamin u Manasse.
Qajjem il-qawwa tiegħek, *
u ejja ħa ssalvana.
Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti; *
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.
Mulej, Alla tal-eżerċti, kemm se ddum tinkorla *
minkejja t-talb tal-poplu tiegħek?
Tmajthom il-ħobż magħġun bid-dmugħ, *
sqejthom id-dmugħ bix-xaba’.
Għamilt minna t-tilwim tal-ġirien tagħna, *
l-għedewwa tagħna jiddieħku bina.
Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti; *
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.
Int qlajt dielja mill-Eġittu, *
warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.
Ħejjejt l-art għaliha; *
hi xenxlet għeruqha u mliet l-art.
Tgħattew l-għoljiet bid-dell tagħha, *
bħal ċedri kbar iż-żraġen tagħha.
Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha, *
sax-xmara ż-żraġen tagħha.
Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha, *
u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?
Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ, *
il-bhejjem tar-raba’ jirgħu fiha.
Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti; †
ħares mis-sema, u ara, *
u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek, *
ir-rimja li int kabbart għalik.
Jinqerdu mal-ħarsa qalila ta’ wiċċek *
dawk li tawha n-nar u qaċċtuha.
Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta’ lemintek, *
fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.
Aħna ma nitbegħdux minnek; *
roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek.
Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti; *
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.
Glorja.
Ant. 1: Qajjem il-qawwa tiegħek, Mulej, u ejja ħa ssalvana.
Ant. 2: Il-Mulej għamel ħwejjeġ kbar; ħa jkun dan magħruf min-nies kollha tal-art.
Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/