Talba ta’ nofs il-jum, illum is-Sibt 6 ta’ Mejju 2023.
Salm 118 (119):169-176
XXII (Taw)
Ħa tasal quddiemek, Mulej, l-għajta tiegħi; * agħtini d-dehen skond il-kelma tiegħek. Ħa jasal quddiemek it-tħannin tiegħi * eħlisni skond il-wegħda tiegħek.
Jinfexxu xufftejja fit-tifħir tiegħek, * għax int tgħallimni l-kmandamenti tiegħek. Ixandar ilsieni l-wegħda tiegħek; * għax kollha ġusti l-kmandamenti tiegħek.
Ħa tkun idek l-għajnuna tiegħi, * għax jien ħtart il-preċetti tiegħek. Jien nixtieq is-salvazzjoni tiegħek, Mulej; * il-liġi tiegħek hija l-għaxqa tiegħi.
Ħa nibqa’ ħaj, biex infaħħrek! * Ikunu d-digrieti tiegħek l-għajnuna tiegħi! Jien ħriġt mit-triq bħal nagħġa mitlufa; * fittex il-qaddej tiegħek, għax jien ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.
Glorja.
Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/