L-Arazzi tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann
Bl-okkażjoni unika ta’ bħalissa bil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann imżejjen bil-glorja kollha tiegħu, ma setax ikun li f’dawn il-ġimgħat ma nagħtux ħarsa lejn uħud mill-arazzi li dahri kienu jintramaw mis-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù (Corpus Christi) u s-Solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann, iċċelebrata fl-24 ta’ Ġunju. Għalkemm, wara r-restawr estensiv li sar fuqhom fil-Belġju stess minn fejn oriġinaw, se jkunu esebiti b’mod permanenti fil-Mużew tal-Kon-Katidral, xejn mhu isbaħ milli tarahom fil-post ‘naturali’ li għalih intisġu.
Barra xeni mill-ħajja ta’ Kristu u tapizzeriji idjeq bi xbihat tal-Appostli, ta’ Kristu Salvatur u ta’ Marija Addolorata, hemm ukoll għadd ta’ xeni allegoriċi li jirrappreżentaw b’diversi modi ir-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin u t-trijonf tal-Ewkaristija. U din l-enfasi tieħu qawwa ikbar meta tqis il-kuntest storiku tar-Riforma ta’ Luteru, il-Kontro-Riforma tal-Konċilju ta’ Trentu, u d-diżgwid politiku li nqala’ wara f’diversi pajjiżi Ewropej.
Iżda, qabel ma nidħol fid-dettall ta’ xi wħud minn dawn l-arazzi, li huma patrimonju uniku fid-dinja, laqatni r-ritratt t’hawn fuq. Meta tfassal it-tqassim tal-arazzi, fiż-żona tal-presbiterju tpoġġew dawk it-tapizzeriji li huma l-iktar relatati mal-Ewkaristija. U għalhekk, fuq in-naħa tal-lemin tal-altar, jekk inħarsu min-naħa tal-bieb, naraw ir-rappreżentazzjoni allegorika tat-Trijonf tal-Knisja Kattolika u d-Difensuri tal-Ewkaristija. Quddiem l-aħħar arkata suppost hemm imdendla r-rappreżentazzjoni tar-Rebħa tal-Verità fuq l-Ereżija imma, minħabba l-mod kif ġie installat l-orgni fil-passat, dan l-arazz ma jistax jintrama.
Dan ir-ritratt hu meħud waqt l-qari tal-Evanġelju fil-quddiesa tal-Ordinazzjoni Saċerdotali. B’xi mod dawn iż-żewġ tapizzeriji u din l-azzjoni liturġika jirriflettu u jdawlu lil xulxin. X’rebħa jista’ jkollha l-Knisja jekk mhux dak li titlob għalih hi stess fil-Kolletta tal-Quddiesa għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli:
O Alla, int trid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu li jagħrfu l-verità; ħares lejn il-ħsad kbir tiegħek u ibgħat ħaddiema għalih, biex l-Evanġelju jixxandar lill-bnedmin kollha, sa ma l-poplu tiegħek jinġabar għall-kelma tal-ħajja u jissaħħaħ bis-sagramenti tiegħek, u hekk jimxi ’l quddiem fit-triq tas-salvazzjoni u l-imħabba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Mill-banda l-oħra, l-allegorija tad-difiża tat-tagħlim tal-Knisja dwar l-Ewkaristija tfakkarna f’aspett ieħor tal-ħajja saċerdotali u kif ukoll ta’ dawk l-imgħammdin kollha li huma msieħba fil-missjoni tal-Knisja, jiġifieri li jwasslu u jħarsu l-verità. Kemm faċli nippruvaw nidhru isbaħ billi nwaqqgħu dak li dejjem kien tant għażiż għalina. Imma kemm hija iktar ta’ sfida llum li b’umiltà niddefendu l-verità, mhux bħala ideoloġija imma bħala persuna: Ġesù Kristu. Mhux ta’ b’xejn li fil-quddiesa b’talb għall-vokazzjonijiet saċerdotali, il-Knisja titlob mingħand Alla li “jqajjem difensuri qalbiena u twajba tal-Evanġelju.” Mhijiex difiża militanti imma ħarsien ta’ teżor prezzjuż li min-natura stess tal-ġmiel tiegħu jitlob li iktar jiġi mikxuf u muri milli mistur u moħbi. U dan il-ħarsien tal-Evanġelju u tal-Ewkaristija fis-sħuħija tagħhom jiggarantixxi li kull minn jersaq lejn dawn l-għejun ta’ salvazzjoni jiksibha għax il-poplu u l-ministri tiegħu jħallu fiċ-ċentru proprju lil dak li għandu jkun fiċ-ċentru: Kristu.
Quddiem din ix-xena, itlob għar-rebħa tal-Knisja li tiġi mill-umiltà qaddejja u għall-ħarsien tal-wirt tal-fidi mhux bħal xi fossila jew oġġett tal-passat imma bħala ħaġa ħajja u li tagħti l-ħajja.