Fil-festa tal-Imnarja ta’ kull sena jiġu quddiem il-menti tiegħi żewġ djalogi li dawn iż-żewġ qaddisin kellhom mal-Mulej. L-ewwel djalogu huwa dak ta’ Pawlu meta, fi triqtu lejn Damasku, wara li l-Mulej staqsieh, “Sawl, Sawl, għalfejn qed tippersegwitani?” Pawlu jwieġeb, “Min int, Mulej?” U Ġesù jwieġbu, “Jien Ġesù li inti qiegħed tippersegwitani.” Għall-mistoqsija ta’ Pawlu dwar l-identità tiegħu, Ġesù jidentifika ruħu mal-komunità Nisranija sofferenti u, fl-istess ħin, jikkonfronta lil Pawlu b’din il-mistoqsija kbira “Għaliex?”: domanda li jistaqsiha mhux biss il-bniedem fil-mumenti ta’ twehir, imma jistaqsiha wkoll lilna l-Mulej għax ma jeħodniex biċ-ċajt imma jixtieq jisma’ minn fommna stess il-karba tagħna.
Però hemm ċans li Ġesù ma jagħtix tweġiba diretta: lil Pawlu jibgħat għandu lil Ananija, il-mexxej tal-komunità Nisranija f’Damasku, sabiex ifejqu mill-qawwa tad-dawl tal-Mulej li għamietu. U kemm għandna bżonn nesponu ruħna għal dan id-dawl qawwi li jgħammex u li xi kultant ikun nar iħeġġeġ li jaqbad, bħall-ilsna tan-nar ta’ Għid il-Ħamsin. Għax huwa d-dawl li ftit ftit ikeċċi d-dlamijiet u n-nar li jdewwibna u jsaffina mill-impuritajiet u n-nuqqas ta’ safa tagħna, sakemm jifdal biss id-deheb: il-jien għeri tiegħi li l-Mulej jixtieq joffri lill-komunità sabiex permezz tagħha niltaqa’ ma’ Kristu mejjet u rxuxtat, il-Ħaruf issagrifikat li jsaltan rebbieħ, kif naqraw fil-Ktieb tal-Apokalissi.
It-tieni djalogu huwa iktar ta’ natura leġġendarja. Jingħad li, meta l-persekuzzjoni ta’ Neruni bdiet tiqliel ġmielha, Pietru ddeċieda li jaħrab minn Ruma bil-lejl u, waqt li qiegħed jaħrab, jilmaħ lil Ġesù li, flok ħiereġ bħalu, kien dieħel lura fil-belt mgħobbi bis-salib. U Pietru jistaqih: “Domine, quo vadis?’—“Mulej, fejn sejjer?” U l-Mulej Ġesù jwieġbu: “Eo Romam iterum crucifigi”—“Sejjer Ruma biex nerġa’ nissallab.” U Pietru, għall-kuntrarju tal-aħħar ċena u t-tradiment ta’ wara, did-darba dan il-kliem ħelu imma sod fehmu. U l-leġġenda tkompli b’Pietru li jerġa’ lura, ma jaħrabx mill-komunità tiegħu, ma jabbandunax il-Knisja li tagħha kien ragħaj u għassies, ma jitlaqx lil ħutu fil-mument tal-prova imma jibqa’ magħhom sal-aħħar, sakemm il-ġustizzja inġusta ppermettietlu.
Dawn iż-żewġ djalogi għadhom relevanti għalina llum għax ta’ spiss niskopru li l-alla li nemmnu fih mhuwiex l-Alla l-veru imma hu idolu li ħloqna aħna. Pawlu u Pietru t-tnejn kienu lesti li jagħtu ħajjithom għal dak li emmnu fih. Imma, biex wasslu sa dan il-punt, kien jeħtieġ li l-ewwel iħallu lilhom infushom jiġu interpellati minn dawn il-mistoqsijiet tagħhom stess: “Min int, Mulej?” għax faċli nsibu ruħna nqimu allat oħra—l-alla tal-jien tiegħi, l-alla tal-ideoloġiji li jieħdu post il-prinċipji, l-allat foloz li nippruvaw infittxu s-sigurtà tagħna mingħajr ma jirnexxilna għax is-sigurtà ma tistax tagħtihielna kull ħaġa li hi daqsna (persuna, relazzjoni) jew inqas minna (oġġetti, fama, poter, pjaċir). Interpellati mill-mistoqsija li tiġi konsegwenza tat-tweġiba tal-ewwel waħda: “Xi trid, Mulej?” għax ma tistax tiltaqa’ tassew ma’ Ġesù u kollox jibqa’ kif inhu. Anzi, il-laqgħa wiċċ imb wiċċ ma’ Ġesù u l-laqgħa u l-aċċettazzjoni tad-dgħufija eżistenzjali tagħna jpoġġuna f’qagħda li tassew inkunu nistgħu nagħtu l-ħajja lill-oħrajn, mhux għax insikktu l-mistoqsijiet kollha imma proprju għax dawn huma mistoqsijiet fundamentali u meħtieġa għall-iżvilupp Nisrani tagħna lkoll għax jiftħuna u jpoġġuna disponibbli għall-grazzja tal-Mulej fina u għal dak li permezz tagħna jrid iwassal lill-oħrajn.