Meta kont għadni tifel, bħala abbati, kont inħobb inħares lejn l-appostli armati fuq il-prima tal-altar maġġur fil-ġimgħa tal-festa. Bla ma trid, l-ewwel li jolqtuk huma Pietru u Pawlu fin-nofs bħal donnhom qed iħarsu lejn xulxin u lejn is-salib li hemm f’nofshom. Imma minn dawn l-appostli ndurati bil-fidda kien dejjem jisraqli l-immaġinazzjoni Bartilmew bil-ġilda ndurata bid-deheb imdendla donnha fardal ħiereġ mill-panneġġ ta’ lbies l-istatwa tiegħu. Ma nafx għalfejn tolqotni daqshekk din ix-xena kemmxejn makabra u stramba, qisek qed tara wiċċ il-persuna darbtejn fl-istess rappreżentazzjoni. Skont waħda mit-tradizzjonijiet li waslitilna sa mill-ewwel sekli, dan l-element ikonografiku huwa referenza għall-martirju li tah Astjaġe, ħu s-Sultan Polimju tal-Armenja, meta ordna li jitqaxxar ħaj wara li beda jikkonverti lil ħafna nies u saħansitra lis-Sultan stess għall-fidi Nisranija.
Forsi għax tfakkarni xi ftit fil-metamorfosi tal-farfett li minn dudu tal-ħarir maqful ġo fosdqa joħroġ b’qawwa jtir kollu lwien—dehra li saret rari fi gżiritna. Donnu l-kliem ta’ San Pawl meta jwissi lill-Insara ta’ Efesu:
Imma intom mhux hekk tgħallimtu ’l Kristu—jekk intom smajtuh u tgħallimtuh skont il-verità li hi f’Ġesù—jiġifieri, li għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom ta’ qabel u tinżgħu l-bniedem il-qadim, imħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa, u li għandkom tiġġeddu b’tibdila spiritwali tal-fehma tagħkom u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skont Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.
Efesin 4, 20-24
Bħala tifel, dan qajla waqa’ f’moħħi. Imma żgur waqa’ f’moħħ Michelangelo huwa u jpitter ix-xena imponenti u suġġestiva tal-Ġudizzju Universali fil-Kappella Sistina, il-post fejn issir l-elezzjoni tal-papa. Fil-fatt, meta jpitter lil San Bartilmew, fil-ġilda mdendla Michelangelo jagħmel awto-ritratt (self-portrait). Dettall li jinkixef iktar meta tqis li, filwaqt li l-Appostlu hu qargħi, mal-ġilda hemm qoffa xagħar imberfla tipika ta’ kif dan l-artist ġie rrappreżentat minn artisti oħra.
X’ried jgħid l-artist? Forsi beda jħoss l-ewwel effetti tax-xjuħija—dan ix-xogħol bdieh meta kellu 61. Forsi, frott maturità spiritwali, fehem li anke hu kellu jgħaddi minn trasformazzjoni kontinwa sabiex seta’ jikkontempla u jpitter dik il-glorja tas-Sid tas-Sidien. Min jaf? Il-mistoqsija se tibqa’ mdendla … anke għalik biex tkun tista’ tagħti t-tweġiba tiegħek għal din il-mistoqsija fundamentali dwar is-sens tal-ħajja tiegħek fid-dawl tal-fidi Nisranija …