Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin

 

Talb ta’ nofs il-jum, illum il-Ħadd 27 ta’ Awwissu 2023.

Salm 44 (45)

(I)
It-tieġ tas-sultan

Ara l-Għarus! Oħorġu ilqgħuh! (Mt 25:6) 

Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ; †
ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan; *
ilsieni pinna ta’ kittieb ħafif. 

Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, †
imsawba l-ħlewwa fuq xufftejk; *
għalhekk bierkek Alla għal dejjem. 

Tħażżem, qalbieni, b’sejfek fuq ġenbek; *
ilbes il-ġieħ u l-ġmiel tiegħek!
Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq; *
turik lemintek ħwejjeġ tal-għaġeb!
Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, †
taħtek jaqgħu l-popli; *
jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan. 

It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta’ dejjem; *
xettru tas-sewwa hu x-xettru ta’ saltnatek!
Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen; *
għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek,
b’żejt il-hena aktar minn sħabek. 

Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja,
kollha fwieħa lbiesek. *
Mill-palazzi tal-avorju
jferrħek id-daqq tal-kordi.
Bniet is-sultan joħorġu jilqgħuk; *
f’lemintek is-sultana
mżejna b’deheb ta’ Ofir. 

Glorja.

Ant. 2: It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

Ant. 3: Rajt lil Ġerusalemm il-ġdida, bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/