Ħarisli ħajti u eħlisni

 

Talb ta’ nofs il-jum, illum il-Ħamis 7 ta’ Diċembru 2023.

Salm 24 (25)

(II) 
Min hu dak li għandu l-biża’ tal-Mulej? *
Lilu hu juri t-triq li għandu jagħżel.
Fil-ġid hu jgħammar, *
uliedu jiksbu l-art. 

Midħla l-Mulej ta’ dawk li jibżgħu minnu, *
lilhom jgħarraf il-patt tiegħu.
Għajnejja dejjem fil-Mulej, *
għax hu mix-xbiek jaqlagħli riġlejja. 

Dur lejja u kun twajjeb miegħi, *
għax jiena fqajjar u waħdi.
Serraħli qalbi mid-dwejjaq, *
min-niket tiegħi eħlisni.
Ara n-niket u d-diqa tiegħi, *
u aħfirli ħtijieti kollha.
Ara kemm kotru l-għedewwa tiegħi, *
x’mibegħda qawwija għandhom għalija. 

Ħarisli ħajti u eħlisni; *
la nistkenn fik, m’għandix għax ninfixel.
Is-sewwa u d-dritt iħarsuni, *
għax jien fik ittamajt. 

Eħles, o Alla, lil Iżrael *
mid-dwejjaq tiegħu kollha! 

Glorja.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/