tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej

 

L-uffiċċju tal-qari, illum is-Sibt 9 ta’ Diċembru 2023.

Salm 104 (105)

(I) Il-Mulej iżomm kelmtu fil-wegħdiet tiegħu
L-Appostli jxandru lill-ġnus l-egħġubijiet li Alla għamel fil-miġja tiegħu. (S. Anselmu) 

Faħħru l-Mulej u xandru ismu, *
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.
Għannulu u doqqulu, *
xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha.
Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu; *
tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej. 

Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu, *
fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu.
Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel, *
fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu.
Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu, *
ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu. 

Jaħweh hu Alla tagħna! *
Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu!
Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu, *
fil-kelma li ta għal elf nisel,
fil-patt li għamel ma’ Abraham, *
fil-wegħda li ħalef lil Iżakk,
li ġedded lil Ġakobb b’liġi, *
lil Iżrael b’patt għal dejjem,
meta qal: “Lilek nagħti l-art ta’ Kangħan, *
bħala sehem tal-wirt tagħkom.” 

Ftit kienu għadhom jgħoddu, *
ma kinux ħlief ftit u barranin f’dik l-art,
jiġġerrew minn ġens għal ieħor, *
minn saltna għal għand poplu ieħor.
Hu ma ħalla ’l ħadd jaħqarhom; *
slaten rażżan minħabba fihom:
“Tmissux ’il dawk li huma kkonsagrati lili, *
tagħmlux deni lill-profeti tiegħi.” 

Glorja.

Ant. 1: Għannu lill-Mulej, ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel.

Ant. 2: Il-Mulej ma nesiex lill-ġust li kien mibjugħ, iżda ħelsu mill-midinbin.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/