
Fi tlitt ijiem jien nerġa’ntellgħu
It-Tielet Ħadd tar-Randan Sena B
Kolletta
O Alla, kull ħniena u tjieba ġejja minnek; inti wrejtna illi s-sawm u t-talb u l-għoti ta’ karità lill-foqra jagħtuna l-qawwa kontra d-dnub; ħares, fit-tjieba tiegħek, lejn din l-istqarrija umli ta’ ħtijietna, biex aħna, li l-kuxjenza tagħna ttaqqalna, ikollna dejjem l-għajnuna tal-ħniena tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
Il-vjaġġ tar-Randan għaddiena mid-deżert għall-glorja tat-Trasfigurazzjoni. Issa, fit-tielet Ħadd, il-Kelma qed tistedinna biex nidħlu daħla fina nfusna, neżaminaw bir-reqqa l-kuxjenza tagħna sabiex nippurifikaw ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Illum, bl-imġiba tiegħu, il-Mulej Ġesù jrid jurina li Alla ma jinsabx fit-tempju tal-ġebel iżda jinsab f’Ibnu Ġesù u f’dawk kollha li jilqgħu s-Saltna tiegħu.
“…dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” (v. 16). Kif seta’ Ġesù jibqa’ passiv jara t-tempju, il-post fejn wieħed imur biex jiltaqa’ u jqim ’l Alla, isir suq? Kif seta’ Ġesù jibqa’ passiv jara dar Missieru ssir post fejn wieħed jinnegozja u jfittex l-interessi tiegħu? Dakinhar li rċevejna l-Magħmudija, aħna wkoll sirna tempji ta’ Alla u ġejna kkonsagrati lilu. Aħna konxji mill-preżenza tal-Ispirtu Qaddis li niżel fina dakinhar? Ħallejnielu post fejn jgħammar, jew ħallejna l-interessi personali jeħdulu postu? Matul dan ir-Randan imqaddes, Ġesù qed imissilna qalbna, mhux bis-sawt mill-ħbula imma bl-imħabba u l-ħniena tiegħu, sabiex jeħlisna mill-idoli, mid-distrazzjonijiet li jbegħduna minnu, u mid-drawwiet ħżiena li jtebbgħulna qalbna u ma jagħmlux ġieh lit-tempju ta’ Alla. X’għandna bżonn inkeċċu ’l barra sabiex ħajjitna tkun tassew preżenza ħajja tal-Mulej fid-dinja?
Il-Lhud talbu lil Ġesù sinjal għall-awtorità tiegħu u Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu” (v. 19). Ġesù jitkellem fuqu nnifsu bħala t-tempju għaliex fih tinsab il-milja tal-glorja ta’ Alla. Il-ġisem tiegħu kellu jiġi maqtul iżda fit-tielet jum kellu jerġa’ jieħu l-ħajja. Proprju dan hu s-sinjal ta’ Ġesù: is-Salib u l-Qawmien tiegħu mill-imwiet. Il-Mulej Ġesù huwa t-tempju l-ġdid. Ma nistgħux naslu għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħu.
Talba
Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,
ħaġa waħda nfittex:
li ngħammar f’dar il-Mulej
tul il-jiem kollha ta’ ħajti;
biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej
jien u nħares lejn it-tempju tiegħu. (Salm 27, 4)



