Ġesù tiegħi, idejk min nifed
b’dawk l-imsiemer tal-ħadid?
Kienu l-ħafna dnubiet tiegħi.
Ġesù twajjeb, aħfer u ħenn.
Min jaf kemm-il darba għannejnieh dan il-kliem f’dawn il-jiem u għal tant snin. Imma, jekk ikollok tifhem sew xi tkun qed tgħid, titwaħħax għax huma kliem tant sempliċi imma tant krudi. Titwaħħax mhux biex timtela bil-biża’, għax il-biża’ ma jħallix lill-Ispirtu ta’ Alla jaħdem ġewwa fik sabiex tassew tindem u tikkonverti.
Irrispettivament mid-dibattitu banali dwar jekk l-imsiemer nifdux il-polz jew il-pala, jiena u nħares lejn idejja jew lejn il-polz nista’ biss nimmaġina l-uġigħ fiżiku—l-iktar li wasalt kien li daħħalt biċċa wajer tal-azzar jew skalda, u xorta tkun se ġġennek (jekk mhux ukoll titwaħħax iktar bid-dehra tax-xafra u l-pinzetta milli bil-ferita). Imma msiemer, min jaf x’uġigħ!
Iżda, lil hinn mill-uġigħ għax, jekk mhux f’idejna, ’l hawn jew ’l hemm ġarrabna ġrieħi f’ġisimna u ġrieħi iktar kiefra f’ruħna li jgħallmuna tassew xi jfisser l-uġigħ, l-imsiemer tal-ħadid, sodi, tqal, inflessibbli, li jitħnu kulma jsibu taħthom … dawn kollha juruna s-serjetà u l-piż tal-ħtija li dawn idejna jġorru u l-kobor ta’ ħnienet Alla li saret hi wkoll par idejn li setgħu jitniffdu mill-ħtija tal-umanità sabiex l-istess umanità tinfeda mid-demm li joħroġ minnhom. Mhux ta’ b’xejn li fil-Liturġija tagħha l-Knisja tkanta:
O msiemer, għuda ħelwa,
x’piż ħelu rfajtu fuqkom.
Fortunatu, Pange lingua, gloriosi