F’dinja fejn il-verità mhux faċli ssibha, il-frażi ‘fake news’ tinstema’ spiss, kemm għax is-sorsi ta’ informazzjoni moderni mhux dejjem ikunu korretti u kemm għax l-aħbar mhux dejjem tkun iddoqq għal widnejna.
L-akbar ġrajja fl-Evanġelji tintlaqa’ bl-istess mod. Il-qawmien mill-imwiet tal-Mulej u d-dehra tal-anġli li jħabbru din l-aħbar lin-nisa, ma tiġix aċċettata bħala verità mill-appostli. Il-kelma tan-nisa li seħħ il-qawmien tal-Mulej kif kien qal hu stess, ma kienet xejn iktar għall-appostli ħlief ‘fake news’. Luqa, l-iktar evanġelista li jitkellem b’mod pożittiv fuq in-nisa, jikteb: “imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajluh thewdin (λῆρος), u ma emmnuhomx” (Lq 24, 11). Il-kelma Griega λῆρος (lēros) tinsab biss hawn fit-Testment il-Ġdid kollu, u tfisser ‘kliem vojt, bla sens’. Għalfejn din l-aħbar ma tiġix aċċettata?
Żewġ raġunijiet jingħataw bħala spjegazzjoni. Saydon jinsisti fuq l-interpretazzjoni tradizzjonali fil-kummentarju tiegħu: “In-nuqqas ta’ fidi tal-appostli għandna nifhmuh bħala ħaġa naturali, għax aktar ma ħaġa tkun tal-għaġeb, aktar indumu ma nemmnuha”. Imma kemm setgħet tkun tal-għaġeb l-aħbar tal-qawmien għall-appostli? Ġesù, minn tal-inqas tliet darbiet f’Luqa, iħabbar lid-dixxipli li kellu jmut u wara tlett ijiem iqum mill-imwiet. Kemm setgħet tkun ta’ sorpriża l-aħbar tal-qawmien, biex l-appostli ma jemmnux lin-nisa! Veru li setgħu ma fehmux il-kliem tal-Mulej li kien ħabbrilhom fil-passat, imma żgur li ma setgħux jgħidu li l-qawmien kien xi ħaġa ġdida għal widnejhom.
Skont it-tieni interpretazzjoni, partikolarment femminista, l-appostli ma emmnux lin-nisa għax ma setax ikun li l-verità tal-qawmien tkun ibbażata fuq ix-xhieda ta’ nisa. Skont din l-interpretazzjoni, ix-xhieda ta’ mara, fil-kuntest Lhudi, ma kienet tiswa xejn. Dan seta’ kien veru fil-kuntest Ruman imma mhux bilfors fil-kuntest Lhudi tal-ewwel seklu. Uħud jargumentaw li mhemm l-ebda kmand bibliku li jipprojbixxi lin-nisa milli jagħtu xhieda fil-qrati f’dan is-seklu. Barra minn hekk, jekk veru x-xhieda tan-nisa kienet tħammar wiċċ il-Knisja tal-bidu, għalfejn dan ir-rakkont jinsab f’kull wieħed mill-erba’ Evanġelji (għad li b’ċertu differenzi)? Kieku l-evanġelisti ħasbu li x-xhieda tan-nisa setgħet tkun ta’ tfixkil fit-twemmin tal-ġrajja tal-qawmien, kienu jħallu dan ir-rakkont barra. Din tħallina bil-mistoqsija: Għalfejn l-ikbar bxara fl-istorja tal-bniedem tingħata l-ewwel lil ftit nisa?
Kieku kont jien flok Ġesù kont nidher l-ewwel lill-Imperatur, il-mexxej tad-dinja Rumana ta’ dak iż-żmien. L-aħbar ta’ raġel Lhudi li qam mill-imwiet kienet tkun sensazzjonali mal-Imperu kollu. Tal-inqas kont nidher lil Pilatu jew lill-qassisin il-kbar (jekk mhux biex nagħtihom xi ċanfira!), jew inkella lil Pietru, il-mexxej tal-komunità. Imma le. Ġesù jidher l-ewwel lin-nisa—karattri li ftit li xejn jissemmew fl-Evanġelji. Naħseb li l-aħbar tal-qawmien tqieset bħala ‘fake news’ għax ma daqqitx għal widnejn l-appostli: “Kif tħabbret l-aħbar lil dawn qabilna?!” Permezz tan-nisa, il-Mulej jagħtihom tagħlima. Bħalma jgħid l-Ingliż: “the message not the messenger.” L-aħbar hi akbar minn min jagħtiha; il-messaġġier hu biss strument. Ma’ Alla m’hemmx min hu tal-ewwel u min hu tal-aħħar. Alla jaf jinqeda b’mezzi li qatt ma nkunu bsarna bihom qabel.