Dal-ġranet iltqajt ma’ din l-istampa u ma stajtx ma niftakarx f’innu li bla dubju jispikka f’dan iż-żmien tar-Randan: l-innu Ġesù tiegħi, partikularment l-istrofa li tgħid

Ġesù tiegħi, idejk min niffed

b’dawk l-imsiemer tal-ħadid?

Kienu l-ħafna dnubiet tiegħi.

Ġesù twajjeb, aħfer u ħenn.

Għalkemm strettament mhuwiex innu liturġiku imma wieħed devozzjonali, xorta waħda sa tmiem ir-Randan inkun ħiereġ minn widnejna. Jekk kont taħseb li dan hu sempliċi innu tradizzjonali Malti, sejjer żball. Dan l-innu huwa traduzzjoni ta’ Gesù mio con dure funi, bi kliem u melodija attribwiti lil San Alfons Maria de’ Liguori (1696-1787). Jidher li oriġinarjament l-isem tal-innu kien Alla Passione di Gesù Cristo, u l-eqdem pubblikazzjoni li nafu biha tmur lura għall-1738 fil-ktieb Via facile e sicura del Paradiso tal-qassis Naplitan Don Gennaro Maria Sarnelli (1702-1744), li kien ħabib u kollaboratur kbir ta’ San Alfons.

Forsi xi wħud isibuh wisq monotonu u tad-dwejjaq. U, ngħiduha kif inhi, veru … u proprju għax dan hu veru li iktar għandna bżonn nisimgħuh, inkantawh, nimmeditawh u tassew nitolbuh. Kif jikteb Antonio Maria Tannoia (1727-1808), patri Redentorista u dak li kiteb l-ewwel bijografija ta’ San Alfonso, qabel l-adorazzjoni Ewkaristika, il-qaddis kien ta’ sikwit ikanta dan l-innu, u d-devozzjoni hekk kbira u l-leħen tant ħelu u mqanqal tiegħu kienu jħallu iktar frott fil-qlub tal-miġemgħa iktar mill-istess prietki tiegħu.

U tassew: bil-melodija funebri tiegħu u bil-kliem iffurmat minn sensiela ta’ mistoqsijiet retoriċi li kollha għandhom l-istess tweġiba, kif jista’ jħallina fejn aħna? Kif jista’ ma jġibniex konxji li ma kinux sempliċiment il-Lhud jew ir-Rumani dawk il-kattivi li sallbuh, imma huwa d-dnub tal-umanità, id-dnubiet tal-bnedmin kollha—passati, preżenti, u futuri—li tassew wasslu lil Alla biex isir bniedem bħalna sabiex ikun jista’ jieħu fuqu l-ħtijiet tagħna u jġorrhom HU NNIFSU ħalli aħna niġu mifdija u nistgħu ngawdu l-grazzja ta’ din il-ħniena kbira tiegħu magħna li ssalvana!

Iva, id-dnubiet tiegħi kienu diġà hemm f’ruħu dak il-ħin, qabel biss ma bdejt neżisti. Id-dnubiet tiegħi wkoll, li huma ħafna, kienu li sammru lil Kristu mas-salib u għaddewh minn dak it-turment kollu. Imma, fuq kollox, kienet l-istess imħabba infinita ta’ dak li mhux biss sofra din l-offiża tagħna imma ħallas l-ogħla prezz biex jirhanna u jiksibna mill-ġdid li żammitu hemm u qagħad—u jibqa’ joqgħod—għaż-żebliħ tagħna!