Fix-xenarju tal-Art Imqaddsa jispikkaw id-diversi muntanji u għoljiet. U allura ma jistax jonqos li dawn ukoll jimmarkaw ix-xenarju u l-ġografija tar-rakkonti tal-ġrajja tas-salvazzjoni: il-muntanja Sinaj jew il-Ħoreb, li hija l-muntanja fejn isseħħ il-laqgħa wiċċ imb wiċċ ma’ Alla u tingħata l-liġi qaddisa li permezz tagħha jiġi ssiġillat il-patt bejn Alla u l-poplu tiegħu; l-għolja ta’ Sijon li fuqha tinbena l-belt ta’ Ġerusalemm minn David u t-Tempju minn ibnu Salamun; Elija li, meta l-poplu ma baqax fidil u kien qed jibża’ għal ħajtu, narawh jerġa’ jmur fuq il-Ħoreb biex hemm jikseb kelma u qawwa ġdida mingħand Alla … Nistgħu ngħidu li huwa wieħed mill-postijiet privileġġati fejn iseħħ id-djalogu bejn id-divin u l-uman. U dan narawh anke f’kulturi oħra għax it-tlugħ tal-għolja fiżikament ifisser l-isforz biex nitilgħu ’l fuq, iktar qrib lejn id-divinità meqjuma.
Dan l-element narawh anke fil-ġrajjiet ta’ Ġesù li nsibu fl-Evanġelji. B’mod speċjali San Mattew jagħmel enfasi ta’ dan il-punt billi speċifikament ipoġġu l-muntanja jew l-għolja bħala l-post fejn isseħħ il-ġrajja partikolari. Diġà rajna fl-Ewwel Ħadd tar-Randan kif ix-xitan, fost l-oħrajn, jieħu lil Ġesù fuq muntanja għolja bit-tama li jwaqqgħu għalih sabiex jikseb b’faċilità dak li għalih sar bniedem: il-fidwa tal-bnedmin kollha, li l-bniedem jerġa’ jsir ta’ Alla u Alla tiegħu.
Lil Ġesù narawh ukoll jitla’ l-muntanja, f’post ogħla mill-oħrajn, mhux biss biex ikun jista’ jinstema’ iktar ċar mill-iktar nies possibbli—bħalma dahri is-saċerdot kien jipprietka mill-pulptu—imma wkoll għax bħala Mosè l-ġdid huwa minn fuq muntanja li jwassal il-Liġi għall-perfezzjoni tagħha, liema diskors jiftaħ bil-Beatitudnijiet—b’dawk il-barkiet imwiegħda lil dawk li f’għajnejn id-dinja jidhru misħutin jew minn taħt.
U, bħalu, anke d-dixxipli—in-Nisrani individwali imma wkoll il-komunità, il-Knisja—huma msejħa minn Ġesù bħala belt fuq muntanja. Allura mhuwiex ta’ b’xejn li dak li kien Mosè l-ġdid u l-Profeta juża l-muntanja biex fuqha jitbiddel quddiem tlieta mid-dixxipli tiegħu u jidher flimkien ma’ Mosè u Elija, li bħal donnhom il-muntanja kienet il-post tal-mistrieħ u l-konfront tagħhom ma’ Alla.
Il-milja tal-misteru tal-muntanja jintlaħaq f’Ġerusalemm, fejn Ġesù bħal ħaruf ġwejjed li ma jiftaħx fommu, ma jiġix skansat bħal Iżakk fuq l-għolja ta’ Morija, imma jiġi kkundannat għall-mewt u maħruġ ’il barra mill-belt qaddisa, imxaħxħa fuq l-għolja biex tidher minn kullimkien, sabiex jiġi ssagrifikat fuq għolja ċkejkna.
Mhux ta’ b’xejn li, fil-kolletta tat-tifkira tal-Madonna tal-Karmnu, nitolbu sabiex “naslu għand dak li hu l-muntanja vera tagħna,” Ġesù Kristu Sidna. Għax tassew: l-esperjenza tal-fidi hija wkoll tlugħ fuq din il-muntanja, bħalma jiddeskriviha San Ġwann tas-Salib fejn, pass pass, ma’ kull salt li nagħtu biex nitilgħu, aħna nitneżżgħu sabiex nitwaħħdu mal-misteru tas-Salib ta’ Kristu fejn nitilfu kollox biex niksbu lil dak li hu l-kollox. Hija din il-fidi li ssir kapaċi tgħid lil kull muntanja li ssir ostaklu biex tinqala’ u tintefa’ fil-baħar. Hija din l-istess fidi li wara l-qawmien, ittellagħna fuq l-għolja tal-Galilija sabiex nilqgħu mingħand Kristu li mmorru nagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u ngħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u ngħallmuhom iħarsu dak kollu li ordnalna hu għax iwegħidna: “jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28, 19-20).