Meta naqbdu l-Bibbja u nfittxu l-Atti tal-Appostli, insibuh wara l-Evanġelju ta’ Ġwanni (wara l-Evanġelji) u qabel l-Ittra lir-Rumani (qabel l-Ittri ta’ San Pawl). Jekk l-Atti nkiteb minn Luqa wkoll, għaliex mhux imqiegħed wara l-Evanġelju tiegħu? Jekk l-Ittra lir-Rumani nkitbet f’xi s-sena 56-57 WK u l-Atti fis-sena 85 WK, għaliex huma mqiegħda qabel l-Ittri ta’ San Pawl?
Luqa kiteb tnejn mill-kotba tat-Testment il-Ġdid. L-Evanġelju tiegħu jirrakkonta l-ħajja ta’ Ġesù Kristu. Il-Ktieb tal-Atti jittratta t-tixrid tal-Knisja. Fih Luqa juri kif id-dixxipli ġew empowered u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu biex ikunu huma stess li jwasslu l-messaġġ ta’ salvazzjoni ta’ Ġesù sa truf l-art kollha. Nistgħu ngħidu bla tlaqliq u bla ma niżbaljaw jekk ngħidu li l-Atti huwa l-istorja ta’ kif Ġesù kompla l-missjoni tiegħu fil-komunità tal-Knisja wara li hu stess tela’ fis-sema. Jissejjaħ “Atti” għax fih l-awtur jirrakkonta xi ħidmiet tal-Appostli, ewlenin fosthom, Pietru u Pawlu. Kif l-evanġelisti jitkellmu fuq “dak kollu li Ġesù beda jagħmel u jgħallem” f’ħajtu (Atti 1, 1), hekk l-Atti jitħaddtu fuq dak li Ġesù ‘kompla’ jagħmel permezz tal-Knisja.
Għalhekk jagħmel sens li wara l-Qawmien ta’ Ġesù, l-Għid, il-Knisja tippreżentalna l-ġrajjiet tal-bidu tagħha, li mħeġġa u mqawwija mill-qawmien innifsu u mill-Ispirtu s-Santu, toħroġ mill-fosdqa ta’ Ġerusalemm u tal-Palestina biex tilħaq id-dinja kollha bin-nar tal-Aħbar it-Tajba tas-salvazzjoni.