Sa mill-qedem, il-ħuta kienet tkun assoċjata mal-Kristjaneżmu. Il-kelma Griega għal ħuta hi ichthys. Mill-bidu nett l-insara għamlu akronimu minn dan l-isem: Iesous Christos Theou Yios Soter, li tfisser Ġesù Kristu, Iben ta’ Alla, Salvatur. Insibu riferenza għall-ħut numru ta’ drabi fl-Iskrittura. Pereżempju Ġesù jitma’ lill-ħamest elef ruħ b’żewġ ħutiet u ħames ħobżiet u jsejjaħ lid-dixxipli sajjieda tal-bnedmin. Tertulljanu qabbel lill-insara mal-ħut fuq l-ixbiha tal-ichthys, Ġesù Kristu, li jitwieldu mill-ilma. Fil-fatt, fl-Evanġelju skont San Mattew, Ġesù jgħid: “Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox” (13, 47).
Wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet, meta Ġesù jidher lid-dixxipli fuq xatt il-baħar ta’ Tiberija, insibu li “Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx” (Ġw 21, 11). Għalfejn l-evanġelista jispeċifika li kien hemm 153 ħuta fix-xibka? San Ġirolmu fir-4 seklu kiteb li dan in-numru jissimbolizza l-ispeċi kollha ta’ ħut differenti, u għalhekk fil-Knisja hemm post għal kulħadd. Interessanti wkoll li, jekk wieħed jgħodd id-drabi li Ġesù bierek lil nies differenti fl-erba’ Evanġelji, insibu b’kollox 153 persuna differenti, f’48 okkażjoni differenti.