Nhar it-22 ta’ Novembru l-Knisja tagħmel it-tifkira ta’ Santa Ċeċilja, verġni u martri. It-tradizzjoni Nisranija tqisha bħala l-patruna tal-mużiċisti, tant li f’rabta mal-festa tagħha jsiru għadd ta’ avvenimenti ta’ natura mużikali, u anke diversi korijiet huma msemmija għaliha. Imma r-rabta mal-mużika eżatt minn fejn ġejja?

Santa Ċeċilja għexet bejn wieħed u ieħor fit-tielet seklu u l-kult tagħha tant kien imxerred f’Ruma li isimha ddaħħal fil-Kanone Ruman—jiġifieri l-Ewwel Talba Ewkaristika. Fir-rakkont tal-martirju tagħha Santa Ċeċilja hi mfaħħra bħala eżempju mill-isbaħ ta’ mara Nisranija li ħarset xbubitha u ħadet il-martirju għall-imħabba ta’ Kristu.

Skont sorsi antiki jidher li Ċeċilja, bint familja nobbli, kienet wiegħdet il-verġinità tagħha lil Alla, imma l-ġenituri tagħha tawha biex tiżżewweġ lil Valerjanu, żagħżugħ pagan ukoll ta’ nisel nobbli. Jingħad li, meta wara t-tieġ marru fil-kamra tas-sodda, Ċeċilja qalet lil Valerjanu li kien hemm anġlu ħdejha jgħasses b’għira s-safa tagħha. Valerjanu ried prova ta’ dan, u Ċeċilja bagħtitu tul Via Appia biex jiltaqa’ mal-Papa Urbanu sabiex jgħammdu. Hu għamel kif qaltlu hi u, meta ġie lura, ra l-anġlu maġenbha. Jingħad li dan l-avveniment wassal sabiex anke Tiburzju, ħu Valerjanu, jitgħammed u flimkien kienu jevanġelizzaw u jidfnu lil dawk li jingħataw il-martirju.

Ir-rabta ta’ Santa Ċeċilja mal-mużika probabbilment hija msejsa fuq traduzzjoni żbaljata ta’ wieħed mir-rakkonti dwarha li jgħid: cantantibus organis illa in corde suo soli domino decantabat. Għalkemm it-traduzzjoni korretta ta’ dan il-kliem hija li, fil-festa tat-tieġ, waqt li d-daqqaqa bdew idoqqu, Ċeċilja kienet tgħanni f’qalbha lill-Mulej tagħha biss, probabbilment il-frażi ‘cantantibus organis’ inftiehmet li Ċeċilja nnifisha kienet qiegħda ddoqq. Hu għalhekk li fl-ikonografija ta’ din il-qaddisa, sa mis-sekli erbatax u ħmistax, l-orgni beda jidher bħala wieħed mill-attributi tagħha.

Lil hinn minn dan l-aneddotu, tajjeb li llum niftakru bi gratitudni f’dawk li għandhom f’idejhom il-kant u d-daqq waqt il-liturġija—ħafna minnhom ukoll b’mod volontarju—u nitolbu għalihom sabiex, fil-qadi tal-ministeru tagħhom, tassew jaslu li jerfgħu qlub il-ġemgħa ’l fuq lejn il-Mulej.