Forsi dan l-aħħar żmien kellna ċans li nsegwu ċertu dettalji taċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa aktar mill-qrib fuq it-televixin jew inkella ġieli nnutajna aħna stess meta konna l-Knisja li l-qassis, wara li jaqsam l-Ewkaristija qabel it-Tqarbin, jaqta’ biċċa żgħira minnha u jpoġġiha fil-kalċi. Importanti li nżommu f’moħħna li fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi l-ġesti u l-kliem mhumiex hemmhekk b’kumbinazzjoni imma kollha fihom skop u sinifikat li nbena matul it-tradizzjoni tal-Knisja. Għalhekk xi jfisser dan il-ġest?
Kemm fl-ittri ta’ San Pawl kif ukoll fl-Atti tal-Appostli nsibu li l-Appostli biex jiċċelebraw il-Misteru tal-Għid fuq il-kmand ta’ Ġesù kienu jaqsmu l-ħobż bejniethom (Atti 2, 46; 1 Kor 10, 16). Mhux hekk biss, imma fl-Evanġelju ta’ San Luqa nsibu li d-dixxipli ta’ Għemmaws jagħrfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż (Lq 24, 35). Proprju dan il-ġest waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa jfakkarna fl-aħħar ċena meta Ġesù bi mħabba kbira, ftit qabel ma miet għalina fuq is-Salib, tana lilu nnifsu fl-Ewkaristija. Intant, il-qsim tal-ħobż jissimbolizza kemm l-għaqda ta’ dawk kollha li jieħdu sehem mill-istess ħobża, kif ukoll l-att sagrifikali ta’ Ġesù li ngħata b’mod komplut għalina fuq is-salib.
Biss, is-saċerdot mhux biss jaqsam l-Ewkaristija iżda wara s-sinjal ta’ paċi jieħu l-Ostja f’idejh, jaqsamha fuq il-patena, jitfa’ biċċa żgħira minnha fil-kalċi, u minn taħt l-ilsien jgħid:
Il-Ġisem flimkien mad-Demm ta’ Sidna Ġesu’ Kristu jkunu jiswew lilna, li se nitqarbnu bihom għall-ħajja ta’ dejjem.
Dik il-biċċa żgħira mill-Ostja li tintefa’ fil-kalċi tissejjaħ fermentum, kelma mil-Latin li tfisser ‘ħmira’.
Oriġinarjament, il-fermentum kienet turija tal-komunjoni nisranija, u dan għaliex fl-ewwel sekli l-isqof ta’ Ruma kien iqaddes flimkien mal-qassisin, imbagħad il-qassisin il-Ħadd kienu jqaddsu fil-knejjes titulari tagħhom. Għalhekk il-Papa kien jibgħat ġewwa l-knejjes tal-madwar biċċiet mill-Ostja kkonsagrata waqt il-quddies li kien ikun qaddes flimkien mal-qassisin. Insibu li fir-raba’ seklu l-Konċilju ta’ Laodikija għamel xi restrizzjonijiet fuq din il-prassi, biss fil-kitbiet tal-Papa Innoċent I (402-417) naraw li din it-tradizzjoni tal-fermentum kienet għadha preżenti. Hemm xi storiċi liturġiċi li jsostnu wkoll li għal xi żmien il-qassis kien jitfa’ żewġ biċċiet tal-Ostja fil-kalċi, waħda li tkun ġejja mill-quddiesa ċċelebrata mill-Papa jew l-Isqof tal-post, u l-oħra mill-quddiesa li l-qassis stess kien ikun qaddes qabel. Din tal-aħħar kienet simbolu tal-għaqda bejn il-quddisiet differenti.
Intant, meta din it-tradizzjoni ma baqgħetx tiġi eżerċitata, il-qassis xorta waħda baqa’ jitfa’ biċċa mill-Ewkaristija fil-kalċi. Għalhekk dan il-ġest minnu nnifsu, meta narawh fil-kuntest tiegħu, jurina l-għaqda tagħna flimkien bħala nsara taħt ir-rgħajja viżibbli tagħna: il-Papa flimkien mal-isqfijiet.
Riflessjonijiet
- It-talb tiegħi jiffoka wisq fuq il-bżonnijiet tiegħi? Nagħraf li jien membru fil-ġisem ta’ Alla?
- Kemm inżomm lill-isqfijiet u lill-Papa preżenti fit-talb tiegħi?