Il-kulur liturġiku tar-Randan huwa l-vjola, kulur sobriju li jfakkar fil-karattru penitenzjali ta’ dan iż-żmien. Iżda fir-Raba’ Ħadd tar-Randan—nofs triq f’dan l-istaġun immarkat miċ-ċaħda u mis-sejħa għall-konverżjoni—il-knejjes jitlibbsu l-lewn roża. Dan il-Ħadd, bħall-Ħadd tal-Gaudete fl-Avvent, huwa kkaratterizzat mill-ferħ. Bl-istess mod jieħu l-isem ta’ Ħadd il-Ferħ (Lætáre) għax l-antifona tad-dħul tal-quddiesa tibda bil-kliem “Lætáre Jerúsalem”: “Ifirħu lil Ġerusalemm, u thennew biha, intom ilkoll ħbieb tagħha; aqbżu bil-ferħ, intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha; hekk intom tifirħu u timtlew bil-faraġ tagħha,” kliem meħud u addattat mill-Ktieb tal-Profeta Isaija 66, 10-11.

Għall-kuntrarju tal-bqija tal-ġranet tar-Randan, flimkien mas-solennitajiet, f’dan il-ħadd jistgħu wkoll jintużaw ukoll il-fjuri fuq l-altar (Kongregazzjoni Mqaddsa għall-Kult Divin, Ittra Ċirkulari dwar it-Tħejjija u ċ-Ċelebrazzjoni tal-Għid tal-Mulej, Paschales Solemnitatis, 16 ta’ Jannar 1988, par. 25). Il-kulur liturġiku proprju huwa roża lewn il-ward, dak li bl-Ingliż jissejjaħ “old rose.” Minkejja li hu Ħadd ikkaratterizzat mid-dawl—fis-Sena A, fiċ-ċiklu marbut mal-Magħmudija—xorta waħda ma jintużax l-abjad għax dan id-dawl li jwassalna biex naraw iġib miegħu diffikultajiet, bħalma jesperjenza r-raġel għama meta rċieva d-dawl tal-fidi u, għax stqarr it-twemmin tiegħu f’Ġesù li tah id-dawl, ġie mkeċċi mil-Lhud (ara Kongregazzjoni tal-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, Direttorju Omeletiku, 2015, par. 73-74).

Fis-snin l-oħra naqraw ukoll qari li jdur madwar din l-istess tema tal-ferħ. Fis-sena B nsibu ruħna f’xena ta’ dlam: Nikodemu li jmur għand Ġesù billejl bit-tama li jikseb xi ftit tad-dawl. U anke Ġesù jerġa’ jitkellem dwar id-dawl f’taqbida mad-dlam:

“U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu.”

Ġwanni 3, 19-21

Imma proprju f’dan ir-rakkont insibu waħda mill-iktar sentenzi qawwija li nsibu fl-Evanġelji u li nistgħu ngħidu tagħmel sintesi tal-Evanġelju kollu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 16).

Din is-sena, is-Sena Ċ, imbagħad niltaqgħu mal-ġrajja ta’ niket u ferħ ta’ familja li l-iben jitlaq ’il bogħod imma jerġa’ lura fi ħdan missieru li ma waqafx jistennieh, filwaqt li joħroġ ukoll jiltaqa’ mal-iben il-kbir li ma kienx kuntent bit-trattament li l-missier ta lil ħuh … it-tnejn kienu mejtin u f’dak il-ħin ingħataw iċ-ċans li jerġgħu jqumu, kienu mitlufa—min ’il bogħod u min f’daru stess—u issa setgħu jinstabu.