Waħda mill-kurżitajiet jew ħsibijiet daqsxejn tad-daħq li ta’ kull sena jgħaddu minn moħħi hija: għalfejn niċċelebraw it-tifkira ta’ Marija Reġina tmint ijiem wara li niċċelebraw il-festa ta’ meta ġiet imtella’ s-sema? F’moħħna għadha friska l-ħafna preparazzjonijiet u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-inkurunazzjoni tar-Re tal-Ingilterra li b’xi mod kulħadd segwa xi ftit, anke xi ftit issaħħarna ċelebrazzjoni daqstant medjevali u para-liturġika f’kuntest post-modern u sekulari għall-aħħar. Imma fil-każ ta’ Marija, ma nimmaġinax li kellhom bżonn tmint ijiem biex l-anġli jippreparaw il-ġenna għaċ-ċelebrazzjoni tal-inkurunazzjoni tagħha.

Il-festa ta’ Marija Reġina twaqqfet mill-Papa Piju XII fl-11 ta’ Ottubru 1954, b’tifkira tas-Sena Marjana f’għeluq il-mitt sena mid-definizzjoni tad-domma tal-Immakulata. Fir-riforma tal-Kalendarju Liturġiku, din it-tifkira tmexxiet għat-22 ta’ Awwissu, tmint ijiem wara l-15 ta’ Awwissu, sabiex tidher aktar ir-rabta bejn it-tlugħ ta’ Marija Verġni fis-sema u r-regalità tas-sultana tas-sema u l-Omm tal-ħniena li nisslet lil Bin Alla, li minnu ġej il-ġieħ tagħha bħala sultana. Fit-tradizzjoni Kattolika, dawn it-tmint ijiem ta’ tkomplija taċ-ċelebrazzjoni kienu pjuttost komuni fil-liturġiji ta’ għadd ta’ festi, għalkemm dawn ġew limitati minn Piju XII għas-solennitajiet prinċipali, u fir-riforma ta’ wara l-Konċilju tħallew biss l-ottavi tal-Għid u tal-Milied.

F’kuntest fejn ir-regalità tad-dinja tilfet il-qawwa tagħha u ġiet irrelegata biss għar-ritwal u t-tradizzjoni, jeħtieġ li nħarsu b’ħarsa mġedda lejn din il-festa sabiex nifhmuha aħjar bħala regalità ta’ servizz, bħalma Kristu hu Sultan bil-pjagi u inkurunat fuq is-Salib. U kif hi waqfet ħdejh taħt is-salib u laqgħat l-aħħar xewqat tiegħu, hekk ukoll issa hi msieħba miegħu fl-istess glorja.