Din is-sena, bħala Evanġelju għas-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù naqraw dik is-silta li toffrilna tant konsolazzjoni: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11, 28). Imma forsi tgerfixna ftit is-sentenza ta’ wara: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi” (Mt 11, 29a), għax, tassew filli se jserraħna u filli se jerġa’ jgħabbina. Aħna neħilsu minn kull toqol nixtiequ, u mhux neħilsu minn piż biex nitwikkew b’ieħor.
X’inhu eżatt dan il-madmad li qed jitkellem dwaru Ġesù? L-ewwel nett, fl-użu tekniku tal-kelma, il-madmad kien injama ħoxna li kienu jqiegħdu fuq għonq żewġ bhejjem għall-ħrit, biex jaħdmu l-għalqa. B’mod popolari u figurattiv, tintuża bħala simbolu tal-jasar, skjavitù, tal-ħakma mhux mixtieqa.
Fil-kuntest reliġjuż però ma kellix interpretazzjoni dejjem negattiva. Fit-Testment il-Qadim il-madmad huwa wkoll simbolu tal-Liġi ta’ Mosè, mhux l-iktar għax kienet tant dettaljata u fiha tfettiq li kważi kważi kienet toħnoq il-libertà (bħalma jikkummenta ta’ spiss San Pawl meta jikkuntrasta l-liġi mal-ħelsien ta’ wlied Alla li ġabilna Kristu). Hija madmad għax din il-liġi kienet proprju torbot lill-poplu ma’ Alla u lil Alla mal-poplu tiegħu.
Però l-kelma ‘madmad’ għandha għeruq etimoloġiċi li jmorru ferm lura. Fil-fatt il-kliem għal ‘madmad’ użat fil-Grieg u anke f’lingwi oħra Ewropej, inkluż l-Ingliż, it-Taljan u l-Latin, pereżempju, għandhom għeruq komuni antiki ħafna u li tfisser xi ħaġa li tgħaqqad flimkien. L-istess għeruq tal-kelma join bl-Ingliż, tal-kelma Latina coniungere, li tgħaqqad fiż-żwieġ (il-kelma konjuġi li nużaw għall-miżżewġin minn hawn ġejja). U allura li tieħu fuqek il-madmad ta’ Ġesù mhijiex kwistjoni ta’ li teħles minn jasar biex tidħlu f’ieħor. Imma, bħalma fiż-żwieġ ir-rabta mhijiex jasar imma rabta biex taqsam l-istess xorti u l-istess ħajja, hekk ukoll Ġesù qed jistedinna biex ngħixu l-ħajja tagħna mhux iżjed iżolati, nippruvaw inġorru l-piż tagħna waħedna, imma naqsmu l-ħajja tagħna miegħu, nintrabtu miegħu taħt il-madmad tal-liġi tiegħu li hi l-liġi tal-imħabba, imħabba sal-aħħar, imħabba bla limiti, imħabba li titlob minna li nkunu lesti nitgħallmu niċċekknu u nsofru l-umiljazzjoni bħal Ġesù.
Hu għalhekk li din jistgħu jifhmuha biss iċ-ċkejknin, dawk li minn Ġesù jitgħallmu jkunu ta’ qalb ħelwa u umli: għax il-kburija tagħna tippretendi li kapaċi tmexxi waħedha u ma taċċettax li aħna dgħajfin u fraġli.
Imma hu biss taħt dan il-madmad li nistgħu nsibu l-mistrieħ għax hu f’din l-imħabba li qalbna ssib il-paċi tagħha: fil-fatt stess li m’aħniex waħedna, qatt, anke jekk b’mod konkret insibu ruħna mwarrbin jew iżolati minħabba ċ-ċirkostanzi, u hemm post fejn fl-aħħar mill-aħħar nistgħu nsejħulu d-dar, fejn nafu li m’aħniex mixjin waħedna mgħobbijin bil-piż tal-ħajja kollu fuq spallejna, u hemm qalb oħra tħabbat bħal tagħna li terfgħalna t-toqol u timxi magħna.