Tiskanta: dejjem jirnexxilna nġibu l-boċċa qrib il-likk fejn jidħlu l-qaddisin. Fix-xahar ta’ Awwissu l-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Lawrenz, Djaknu u Martri. U, oħroġ il-għaġeb, ta’ kull sena qrib l-10 ta’ Awwissu jseħħ avveniment astrali li ma setax jonqos li jiġi mlaqqam id-Dmugħ ta’ San Lawrenz!
Minn nofs Lulju sa kważi tmiem Awwissu, il-pjaneta tagħna, fid-dawran tagħha madwar ix-xemx, tgħaddi qrib il-Persejidi. Din is-sħaba ta’ partiċelli u debri ta’ kometa tieħu isimha mill-kostellazzjoni Perseus (Persejidi huma ulied Perseus fil-mitoloġija Griega) għax, meta l-fdalijiet tal-kometa jgħaddu mill-atmosfera tal-pjaneta tagħna u jieħdu n-nar, jidhru ġejjin mid-direzzjoni tal-imsemmija kostellazzjoni. Huwa avveniment li faċli tosservah jekk jirnexxilek issib post ftit mudlam. Huwa spettaklu ta’ kwiekeb feġġejja li jidhru u jgħibu f’tebqgħa t’għajn.
Barra l-osservazzjoni ta’ dan l-avveniment annwali fil-lejl ta’ San Lawrenz, kien hemm ukoll saħansitra d-drawwa li matul il-jum ifittxu fil-ħamrija—jew anke fil-qsari u fl-art—biex isibu frak iswed jew ġebel ċkejken ħafna ta’ lewn iswed—magħruf bħala l-faħam ta’ San Lawrenz—li jaqa’ mis-sema minn dawn il-meteoriti li jgħaddu mill-atmosfera tagħna.
Ikollna nammettu li hija idea kważi romantika li tirreferi għal ġmiel hekk tal-għaġeb b’isem marbut mal-uġigħ tal-martirju li sofra San Lawrenz. Fil-martirju—ix-xhieda Nisranija fl-essenza tagħha—hemm ħafna uġigħ, inkomprensjoni, rifjut, u saħansitra vjolenza li tista’ tieħu forom iktar sottili, imma xejn inqas insidjużi. Imma nimmaġina li d-dmugħ ta’ dan il-qaddis huwa wkoll dmugħ ta’ kompassjoni. Huwa d-dmugħ ta’ min ibati magħna u li f’ħajtu u sa mewtu ħalla ’l qalbu toħroġ u tintmiss mill-weġgħat konkreti tal-foqra u l-imwarrba. Huwa dmugħ li jixgħel l-iljieli mudlama tagħna hekk li ma’ San Lawrenz fid-dlam tal-lejl li jaħfinna u jiblagħna, nistgħu ntennu l-kliem ta’ waħda mill-antifoni tal-għasar ta’ din il-festa: “Il-lejl għalija mhuwiex mudlam, iżda kollox jiddi fid-dawl.” Għalfejn? Għax id-dlam isir id-dlam tal-kontemplazzjoni tal-misteru tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem li fih jiddawwal il-misteru tal-bniedem innifsu (ara Gaudium et Spes, par. 22).
Forsi ma tkunx idea ħażina li flok lejn l-art biss jew nittrekknu għall-frisk fil-kumdità ta’ darna, infittxu post kemxejn mudlam f’dal-jiem u nħarsu wkoll lejn is-sema ħalli, flok sempliċi xewqa superstizzjuża meta nilmħu kewkba feġġejja, ix-xewqa profonda tagħna tkun li jiddawwal ukoll il-misteru tiegħi u tiegħek, hekk li ma nibqgħux inħarsu lejn il-mera u naraw id-dlam fil-ħofor ta’ għajnejna. Nitgħallmu nħallu wkoll lill-Mulej inissel f’moħħna u f’qalbna dak li jara hu f’għajnejna: id-dmugħ, it-tamiet, ix-xewqat u l-biżgħat tagħna … imma fuq kollox ix-xbieha tiegħu u l-għatx għall-imħabba infinita li fih biss nistgħu nsibu l-għajn mnejn nixorbu.