Simbolu ieħor marbut mal-liturġija Papali u anke dik episkopali huwa l-baklu. Anke dan is-simbolu huwa sinjal tar-responsabbiltà tiegħu ta’ ragħaj. L-oriġini tal-użu tal-baklu fil-Knisja mhijiex ċara, għalkemm l-użu ta’ forma jew oħra ta’ ħatar jew bastun kien komuni sew fl-ambitu reliġjuż u sew f’dak ċivili u politiku. Pereżempju, il-qassisin f’diversi riti pagani Rumani kienu jużaw il-lituus, forma ta’ bakketta ritwali f’għamla mibruma.

Iżda, fil-każ tal-baklu, it-tifsira tmur lil hinn minn sempliċi sinjal ta’ poter daqskemm simbolu ta’ awtorità u responsabbiltà msejsa fuq dik tar-Ragħaj it-tajjeb u ta’ Alla bħala Ragħaj ta’ Iżrael. Fil-fatt, f’Salm 23 insibu kif Alla jirgħa u jfarraġ permezz tal-bastun tar-ragħaj anke meta l-ħajja tgħaddina mill-widien ta’ dlam il-mewt: “Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni” (Salm 23, 4). Il-ħatar huwa wkoll simbolu tal-awtorità ta’ Alla fdata f’idejn il-bnedmin, bħalma hu l-ħatar ta’ Mosè li bih mexxa l-poplu ’l barra minn art il-jasar lejn l-art imwiegħda. Mhux ta’ b’xejn li f’xi knejjes tal-Lvant ġieli tintuża ferula jew għamla ta’ baklu bis-sriep fil-parti ta’ fuq, b’riferenza għas-serp tal-bronż li Mosè arbulah u refgħu fl-għoli sabiex ulied Iżrael setgħu jħarsu lejh u jsalvaw (Numri 21, 4-9).

Jidher li xi għamla jew oħra ta’ baklu jew kroċja (crozier bl-Ingliż) kienet diġà użata mill-isqfijiet sal-ħames seklu. Il-baklu fil-forma preżenti fil-Punent għandu l-forma ta’ għasluġ, bastun bil-parti ta’ fuq xi mibruma sabiex permezz tagħha jkun jista’ jiġbed in-nagħaġ u jżommhom fit-triq. Skont ma jgħidilna San Sidor Sevilja żewġ sekli wara, il-baklu jingħata lill-isqof fil-konsagrazzjoni tiegħu bħala sinjal tar-responsabbiltà li jmexxi u jikkoreġi, filwaqt li jsostni d-dgħufija ta’ dawk li huma morda (De Ecclesiasticis Officiis 2.5.12, PL 83.783C-784A).

Iżda l-barma fil-parti ta’ fuq jista’ jkun li hija sinjal tal-awtorità limitata tal-isqof għat-territorju tiegħu. Huwa għalhekk li l-papa ma kienx juża—u għadu ma jużax—baklu normali imma fil-parti ta’ fuq ikun hemm kurċifiss għax ir-responsabbiltà tiegħu hija fuq il-merħla kollha ta’ Kristu mxerrda mad-dinja kollha. Fi żminijiet iktar bikrin kienet tintuża l-ferula u saħansitra l-baklu, għalkemm minħabba r-raġuni msemmija ma baqax jintuża. Meta reġa’ ġie introdott l-użu ta’ fi forma jew oħra ta’ ħatar mill-papa, jidher li xorta waħda ma kienx bħal tal-isqfijiet imma kien ikollu salib papali bi tliet traversi—l-istess simbolu li jintuża fuq knejjes b’rabta speċjali ma’ Ruma, bħalma huma l-bażiliċi.

Din ir-responsabbiltà u t-treġija universali toħroġ b’qawwa jekk nimmaġinaw lill-Papa bħala ragħaj miexi quddiem il-merħla wara s-salib li jġorr f’idu ix-xellugija u li bih imiss l-art quddiemu, hekk li s-salib dejjem ikun pass ’il quddiem għax anke l-Papa huwa dixxiplu. Mhux ta’ b’xejn li fl-omelija tiegħu fir-Raba’ Ħadd tal-Għid, huwa u jqaddes fil-kripta tal-Bażilika ta’ San Pietru, jgħid hekk:

Aħna u niċċelebraw il-bidu ta’ din il-missjoni ġdida, tal-ministeru li għalih il-Knisja sejħitli, ma hemmx eżempju aqwa minn dak ta’ Ġesù Kristu nnifsu, li għalih nagħtu ħajjitna u li minnu niddependu. Ġesù Kristu, li warajh nimxu, huwa r-Ragħaj it-Tajjeb, u huwa Dak li jagħtina l-ħajja: “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14, 6).

Ljun XIV, Omelija, 11 ta’ Mejju 2025