Il-frażi “Ħaruf t’Alla” nsibuha darbtejn fit-Testment il-Ġdid: fl-Evanġelju ta’ San Ġwann 1, 29 u 1, 36. F’dawn iż-żewġ versi huwa Ġwanni l-Battista li jirreferi għal Kristu b’dan il-mod: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja” (1, 29), u, “Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: ‘Araw il-Ħaruf ta’ Alla’” (1, 36).
Għalfejn jirreferi għal Kristu bħala ħaruf? Hawn min jissuġġerixxi li l-ħaruf jirreferi għall-offerta tas-sagrifiċċju; għalhekk Ġwanni l-Battista jgħid “li jneħħi d-dnub tad-dinja.” Fi Ġwanni 19, 36 insibu s-siegħa ta’ Ġesù fuq is-salib fejn l-Evanġelista jgħid li, “ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid,‘Ebda waħda minn għadmu ma jkissrulu’” (ara Eżod 12,46: “Għandu jittiekel [il-ħaruf] f’dar waħda; la toħorġux laħam minnu ’l barra mid-dar, u la tkissrulu ebda għadma minnu”). Il-ħaruf huwa wkoll l-annimal li jittiekel fl-ikla tal-Għid. Il-ħaruf għandu rabta mal-qaddej sofferenti f’Iżaija 53, 7: “Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu.”
Fid-dawl ta’ dawn l-interpretazzjonijiet varji, m’hemmx għalfejn nagħżlu waħda, għaliex l-awtur tal-Evanġelju probabbilment ried li dawk li jisimgħu dan il-kliem jaħsbu fi Kristu b’dawn id-diversi modi.
Fl-Apokalissi ta’ San Ġwann ukoll insibu referenza għall-ħaruf. Filwaqt li fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, l-Evanġelista juża l-kelma Griega amnos, fl-Apokalissi nsibu l-kelma arnion, li huwa deskritt hekk: “wieqaf, bħal maqtul, b’sebat iqrun u seba’ għajnejn, li huma s-seba’ spirti ta’ Alla mibgħutin fuq l-art kollha” (5, 6). Għaliex huwa f’din il-qagħda li l-Ħaruf jista’: “jieħu l-ktieb mill-id il-leminija ta’ dak li qiegħed fuq it-tron” (5, 7).
Mill-Evanġelju ta’ San Ġwann għall-ktieb tal-Apokalissi nsibu qabża, għaliex il-ħaruf li miet għalina jsir il-ħaruf igglorifikat—l-arnion jieħu fuqu ’l-amnos. Kristu ssagrifika l-ħajja tiegħu biex jirbaħ fuq id-dnub, imma huwa wkoll il-Kristu mqajjem mill-mewt. Il-Kristu amnos essenzjalment jindika il-frott tal-mewt tiegħu, waqt li Kristu bħala arnion jurina dak li huwa l-frott tal-qawmien tiegħu mill-mewt, u dan juri l-kontinwità mill-mewt ta’ Kristu għall-qawmien tiegħu.