Xi ġimagħtejn ilu kont għaddej minn qrib iċ-ċimiterju ta’ Ħaż-Żabbar u fettilli nieqaf u mmur infittex il-qabar tal-familja, fejn hemm midfunin in-nanniet, fost l-oħrajn. Bejn li ma stajtx niftakar in-numru tal-qabar, u bejn li lanqas stajt naqbad tarf ta’ kif isegwu n-numri, nammetti li kont viċin li ndur lura u nkomplu fi triqti. Ma xtaqtx nitqadded qabel il-waqt taħt il-qilla tax-xemx sajfija ta’ waranofsinhar.
Imma sakemm domt indur u nagħqad fil-vojt, iltqajt ma’ monument fuq wieħed mill-oqbra li sammarni. Kien monument pjuttost sempliċi, meta tqabblu ma’ dawk tal-irħam, xi wħud tassew monumentali filwaqt li oħrajn kważi grotteski. Minqux f’pilastru tal-ġebel hemm wiċċ Kristu msallab u inkurunat bix-xewk, biż-żebgħa qed titqaxxar. Anke l-ġebla jidher li qed tfarfar ġmielha.
Madanakollu, dak li laqatni l-iktar kien proprju dak li ma jiffurmax parti mill-monument imma twaqqaf hemm: xehda ma’ ras Kristu! Żgur li ma kienx hemm riskju li jniggżuh għax kienu għaddejjin bieżla fuq xogħolhom, u hu għandu biżżejjed xewk. Imma, bla ma ridt, mill-ewwel ġie f’moħħi innu li jmur lura għas-seklu 12 u li hu attribwit lil San Bernard ta’ Clairvaux: Iesu Dulcis Memoria, innu ferm twil u li partijiet minnu jintużaw bħala innijiet fil-Liturġija tas-Sigħat, bħal fit-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum tal-festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej. U x-xena ta’ dan il-monument taqbad perfettament dak li l-ewwel strofa ta’ dan l-innu tgħid:
O Ġesù, tifkirtek ħelwa
timla’ ’l qalbna b’ferħ is-sema;
iżda oħla wisq mill-għasel
hi l-preżenza tiegħek fostna.
L-ironija tan-natura hi li, lil dak li ħlewwietu hija oħla minn dik tal-għasel, ma jidhirx quddiemna fis-sebħ tat-trasfigurazzjoni jew fil-glorja tal-qawmien, imma proprju fil-punt fejn “ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih” (Is 53, 2). Minkejja dan, huwa proprju hemmhekk, fuq is-salib, li Ġesù jgħidilna li se nagħrfu min hu (Ġw 8, 28)—l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem—u se jidher is-sebħ tassew tiegħu fl-offerta tiegħu nnifsu li biha jiġbed il-bnedmin kollha lejh (Ġw 12, 32) …
Sadanittant, il-qabar tal-familja sibtu u għedt tliet Requiem Aeterna—jew, kif ngħiduha, Regematerna—u bdejt miexi ’l barra. Imma dik ix-xena li tfakkar fis-sbuħija paradossali ta’ Kristu Msallab baqgħet immarkata f’qalbi u ħalliet togħma oħla mill-għasel f’ħalqi … u nixtieq li din il-ħlewwa ma nitlifhiex, imma nibqa’ ngħożżha u ntegħemha, l-iktar meta s-salib ikun tqil u lanqas ħarsti ma jkolli l-ħila nerfa’ ’l fuq.