Matul iż-Żmien tar-Randan, il-Knisja tagħti importanza kbira lill-Kelma ta’ Alla bil-fidi u t-tama li t-tħabbir tagħha jwassal għall-konverżjoni. Dan narawh iseħħ b’diversi modi, bħal ngħidu aħna permezz tal-prietki tal-eżerċizzi, fid-diversi formati li jieħdu skont iċ-ċirkostanzi, permezz ta’ talb devozzjonali li jikkontempla l-misteru tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù għall-fidwa tagħna, u fuq kollox permezz tax-xandir tal-Kelma ta’ Alla waqt il-Liturġija.
Jekk nieħdu s-siltiet magħżula mill-Knisja biex jinqraw waqt il-quddies, ninnutaw li m’għandniex żewġ ċikli ferjali għall-ewwel qari (l-ewwel u t-tieni sena) imma għandna ċiklu wieħed fejn is-silta mit-Testment il-Qadim hija mqabbla ma’ silta mill-Evanġelju sabiex jiġu ttrattati diversi temi marbutin mal-importanza spiritwali ta’ dan l-istaġun liturġiku. Imbagħad, mill-għada tar-Raba’ Ħadd tar-Randan għandna qari semi-kontinwu tal-Evanġelju skont San Ġwann li jwassluna b’mod drammatiku għaċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni tal-Mulej.
Fil-Ħdud xorta waħda għandna ċ-ċiklu tas-soltu maqsum fuq tliet snin—Sena A, B, u Ċ. Fl-Ewwel u t-Tieni Ħadd dejjem ikollna r-rakkonti tat-tentazzjonijiet fid-deżert u tat-Trasfigurazzjoni, meħudin mill-Evanġelji sinottiċi, skont is-sena li nkunu fiha. Imma fit-tliet Ħdud ta’ wara, fiċ-ċiklu ta’ Sena A nsibu tliet Evanġelji marbutin maċ-ċelebrazzjoni tal-iskrutinji bħala parti mir-riti qabel iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti tad-Dħul fil-Ħajja Nisranija f’Sibt il-Għid. Sa mill-ewwel sekli għal dawn il-Ħdud, il-Knisja għażlet tliet rakkonti mill-Evanġelju mqaddes skont San Ġwann li permezz tagħhom, sew dawk li jkunu se jitgħammdu u sew il-komunità li se tilqa’ lill-imgħammdin ġodda, ilkoll flimkien nidħlu iktar fil-qalba tal-misteru ta’ dawn is-sagramenti li bihom nittwaħħdu ma’ Kristu li miet u rxoxta.
Għaldaqstant, hekk kif ninsabu f’Sena A, fit-Tielet Ħadd se nisimgħu jitħabbar l-Evanġelju tas-Samaritana, fejn Kristu jidher bħala l-ilma tal-ħajja; fir-Raba’ Ħadd, ir-rakkont tal-imwieled għama li matulu Kristu juri ruħu bħala d-Dawl veru; u, fl-aħħar, fil-Ħames Ħadd, ikollna r-rakkont tal-qawmien mill-mewt ta’ Lazzru bħala xbieha ta’ kif Kristu jagħti l-ħajja mill-ġdid permezz tal-Magħmudija.




