Wieħed u tmenin sena huma għomor ta’ bniedem. Daqshekk ilu li seħħ id-dramm tal-Operation Pedestal mill-qawwiet navali Britanniċi sabiex iwasslu provvisti tant meħtieġa mhux biss biex il-gżira-fortizza tibqa’ wieqfa, l-aktar permezz tal-fjuwil tal-ajruplani, imma wkoll biex il-popolazzjoni tibqa’ ħajja u soda bla ma ċċedi. Imma din il-ġrajja ta’ qtigħ il-qalb u tama, ta’ fraġilità reżiljenti, ta’ qlubija ta’ poplu li kien lest jibqa’ jaqla’ ġo fih imma ma kienx lest li jċedi, fostna hija magħrufa bħala l-Konvoj ta’ Santa Marija proprju għax kien fid-9:30 a.m. tal-15 ta’ Awwissu li kien irmunkat fil-Port il-Kbir l-aħħar u l-iktar tanker importanti tal-konvoj, l-Ohio, bħal donnu katavru bil-kemm jista’ jżomm f’wiċċ il-baħar.
Minkejja l-ħidma bla heda tal-qawwiet militari u navali imperjali, u wkoll l-isforz sfiqa ta’ suldati u ċivili Maltin biex dawn il-vapuri jwasslu sal-port is-salvazzjoni, anke jekk tkun xettiku tant il-qagħda kienet waħda prekarja li ma tantx tista’ tipprova taħrab mill-probabbiltà ta’ intervent sopranaturali f’din l-operazzjoni. Mhux ta’ b’xejn li l-Maltin għażlu li jpoġġu lill-Imqaddsa Marija Omm Alla fuq il-pedestall ta’ din il-missjoni kważi impossibbli u li swiet qatigħ meta wieħed iqis kemm intilfu opri tal-baħar u ħajjiet sabiex l-aħħar tama tal-Maltin u l-Ingliżi fuq din il-laqxa mitluqa għal riħha f’nofs ta’ baħar setgħet tibqa’ għaddejja bid-difiża taċ-ċentru tal-Mediterran.
U forsi dan il-pedestall li fuqu npoġġu lil Sidtna Marija mtellgħa s-sema huwa bil-wisq ogħna u isbaħ minn kwalunkwe pedestall tal-fidda jew tal-injam indurat li fuqu nistgħu npoġġu x-xbihat tagħha għaliex huwa l-pedestall tal-fiduċja għamja fl-imħabba materna tagħha li ma tħalli qatt waħedhom lil uliedha fis-siegħa tal-prova. Mill-banda l-oħra, il-ħasra tkun jekk, waqt li nillustraw il-pedestalli tagħha u nduruhom minn żmien għal żmien, ninsew dak li din l-Omm ħanina tassew fissret fil-ġrajja tal-poplu ċkejken imma qawwi tagħna—poplu li għandu min-natura ta’ sinna tewm f’borma zalza li, minkejja ċ-ċokon tiegħu, ma tistax ma ttiegħmux.
Żgur li din hi l-qawwa u minn hawn ġejja r-reżiljenza tal-ġenerazzjonijiet iktar maturi u oħrajn ferm iktar maturi tal-poplu tagħna li jibqgħu jitqabdu mal-ħajja u mal-mewt bla ma jċedu: il-fidi. U dan hu li joħloq kuntrast ma’ ġenerazzjonijiet iżgħar li donnhom bla fibra u delikati żżejjed biex ikunu jifilħu għall-attakki mill-art u mill-ajru li kull persuna jkollha ġġarrab fil-ħajja, trid jew ma tridx. Nippreferu nisirqu x-xena jew nitilgħu fuq il-pedestalli, imma meta l-bozza tal-ispotlight tinqata’ u l-pedestall dgħajjef tagħna jissewwes jew jinfetaħ, ma fadlilniex iktar fuq xiex u fuq min inserrħu għax il-pedestalli u l-ispotlights jiżolaw.
Mentri l-pedestall ta’ Marija huwa l-pedestall li jitgħolla sabiex tkun tista’ tiftaħ idejha u xxerred iktar grazzji fuq kemm jista’ jkun bnedmin bil-għatx u katavri ħajjin. Huwa l-pedestall li minn fuqu Alla jniżżel is-setgħana u jitgħollew iċ-ċkejknin li jagħrfu li waħedhom mhux se jaslu sal-aħħar u allura jduru fuq Marija biex jistkennu taħt il-mant tagħha sakemm jgħaddi l-ħbit li ma jagħmel ħniena minn ħadd u jiknes kulma jsib. Tibqa’ biss il-fiduċja u dik il-fidi tant soda li xorta waħda tibqa’ b’ħarsitha fissa minkejja kollox.
Jalla għalina llum dan ukoll ikun ifisser il-jum tal-15 ta’ Awwissu: mhux biss tifkira tradizzjonali tal-passat imma għażla ta’ fidi minkejja li nkunu diġà kważi f’ħalq il-mewt u l-qerda.