In-numru 40 insibuh madwar 146 darba fl-Iskrittura, u dan in-numru jissimbolizza żmien ta’ prova. Mosè nnifsu għex erbgħin sena fl-Eġittu, u erbgħin sena oħra fid-deżert. Huwa għex darbtejn erbgħin jum fuq il-muntanja Ħoreb biex jirċievi l-liġi ta’ Alla. Huwa wkoll bagħat l-ispiji erbgħin jum biex jinvestigaw l-art mwiegħda: “Reġgħu lura mit-tkixxif tal-art wara erbgħin jum” (Num 13, 25).
Il-profeta Ġona xandar billi “daħal il-belt, beda ġurnata mixi, ixandar u jgħid: ‘Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!’” (Ġon 3, 4). U l-Profeta Eżekjel imtedd fuq ġenbu għal erbgħin jum u tgħabba “bil-ħażen ta’ dar Ġuda erbgħin jum, jum għal kull sena” (Eżek 4, 6).
Elija wkoll dam erbgħin jum mingħajr ilma u nbid fuq il-muntanja Ħoreb. Ġesù kien ittentat mix-xitan waqt li kien fid-deżert għal erbgħin jum. U, wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet, dam erbgħin jum qabel it-tlugħ tiegħu fis-sema.
Il-ktieb tal-Eżodu wkoll fih 40 kapitlu. Miż-żmien li daħlu fl-art imwiegħda, sa żmien is-Sultan Sawl, Iżrael kien immexxi minn numru ta’ Mħallfin. Għalkemm dawn ma kinux slaten, xorta waħda kellhom influwenza kbira fuq il-poplu. Kien hemm uħud minnhom, bħal Debora, li damu erbgħin sena jmexxu. Sawl, David u Salamun, li kienu slaten, damu jsaltnu għal erbgħin sena kull wieħed.
Abraham issara ma’ Alla biex ma jeqridx lil Sodoma u Gomorra: “U jekk issib hemm erbgħin?” U wieġbu: “Ma nagħmilx dan, minħabba l-erbgħin” (Ġen 18, 29). Iżakk u Għesaw kellhom erbgħin sena meta żżewġu: “U Iżakk kellu erbgħin sena meta ħa b’martu lil Rebekka” (Ġen 25, 20) u “Meta Għesaw kellu erbgħin sena, ħa b’martu lil Ġuditta bint Beri l-Ħitti, u lil Baxemat bint Elon il-Ħitti” (Ġen 26, 34).
Dawn huma wħud mir-riferenzi fil-Bibbja għan-numru erbgħin. Ir-Randan hu twil erbgħin jum: żmien ta’ preparazzjoni, sagrifiċċju u astinenza bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-passjoni, mewt u qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.