Itlob bl-Arti




Inħallu l-ispirtu tagħna jintrefa’ lil hinn


It-Tielet Riflessjoni dwar il-Mużajk fil-Knisja “tal-Erwieħ,” Ħal Tarxien

Il-figura dominanti tal-mużajk li nsibu fuq l-altar tal-Knisja tal-Erwieħ hija bla dubju dik ta’ Ġesù, “il-Kbir fost il-mejtin” u “l-ewwel frott fost dawk li raqdu” (Apok 1, 5; 1 Kor 15, 20). Ġesù li fl-istess ħin huwa kemm dak li jiżra’ fil-preżent (hemm xebh bejn iż-żewġ figuri li jiffurmaw linja dritta bejniethom) u l-imħallef b’idejh minfuda u miftuħa beraħ biex jilqa’ l-frott it-tajjeb. 

Fil-laqgħa tagħhom billejl, Ġesù nnifsu stqarr ma’ Nikodemu: “Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (Ġw 3, 17). Dan hu wkoll il-kliem li l-Knisja tgħanni fil-Pange Lingua fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka, sakemm l-Ewkaristija titwassal fl-Altar tar-Repożizzjoni, u fil-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù wara Żmien l-Għid:

Lilna mogħti, lilna mwieled

minn omm xebba bla mittiefsa;

hu bħal bniedem għoġbu jgħammar,

jiżra’ s-sewwa fina ried;

sakemm, fl-aħħar, ħajtu fostna

temm fost l-ogħla għeġubijiet.

San Tumas ta’ Aquino

Imma fid-djalogu ma’ Nikodemu, għas-satra tal-lejl, Ġesù jkompli billi tistqarr ukoll li min jemmen fih “ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla” (Ġw 3, 18).  

Fil-frattemp, Ġesù l-bidwi jibqa’ jiżra’ bla heda għax Alla ma jitlifx it-tama fl-umanità imma jibqa’ jxerred it-tajjeb u jferra’ l-grazzja tiegħu anke fejn hemm ċans li għalxejn u se tinħela għax, tassew, “la jongħos u lanqas jorqod dak li jħares lil Iżrael” (Salm 121, 4). Din il-fiduċja ta’ Alla hija rrappreżentata fil-mużajk mill-qawsalla li nsibu eżatt fuq ras Kristu, bħal donnha l-muntanja kbira u għolja li fuqha ġie meħud Ġwanni fl-ispirtu biex jara “l-Belt il-Qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla,” (Apok 21, 10). Mhux darba jew tnejn, dan is-simbolu ġie mifhum jew użat bħala strument ta’ firda u polarizzazzjoni minn kampi opposti. Imma jagħmel tajjeb jekk immorru lura għat-tifsira biblika ta’ dak li litteralment hu l-qaws ta’ Alla. Fil-ġrajja ta’ Noè u d-dilluvju, Alla jpoġġi l-qawsalla bħala tfakkira tal-patt tiegħu mal-umanità li qatt mhu se terġa’ sseħħ din il-qerda (Ġen 9, 8-17). Dan il-patt iwassal biex, mhux talli ma jeqridhiex, talli Alla nnifsu jsir parti minn din l-umanità midinba u, permezz tal-għuda tas-salib, isalvana mill-għarqa tad-dnub u l-mewt. 

“U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.”

Ġwanni 12, 32

F’dan iż-żmien tal-Avvent, aħna u nħejju ruħna għal-laqgħa mal-Mulej wiċċ imb wiċċ meta tasal is-siegħa tagħna, u nħejju ruħna wkoll għaċ-ċelebrazzjoni ta’ meta Alla sar wieħed minna għas-salvazzjoni tagħna, jalla nħallu l-ispirtu tagħna jintrefa’ ’l fuq, lil hinn lejn Dak li hemm ’il fuq mill-qawsalla, u, aħna min aħna, inqiegħdu mill-ġdid it-tama tagħna fih biss, u f’xejn aktar.